1Wara dan Ġob fetaħ fommu,
seħet jum twelidu,
2u qabad jgħid:
3“Qerda għal jum twelidi,
għal-lejl li qal ‘Tnissel raġel.’
4Ħa jinbidel fi dlam dak il-jum,
ma jfittxux Alla mill-għoli,
u ma jfiġġ qatt id-dawl fuqu!
5Jagħmluh tagħhom id-dlam u s-swied,
ħa jiksih is-sħab oħxon,
u twaħħxu l-eklissi.
6Dak il-lejl ħa tkeffnu dalma,
ma jidhirx mal-jiem tas-sena,
u ma jidħolx fl-għadd tax-xhur.
7Ħa jkun, iva, dak il-lejl bla ħajja,
u ma jidwix fih għajjat ta’ ferħ.
8Ħa jisħtuh dawk li jisħtu l-jum,
l-imħarrġin biex iqajmu l-Levjatan.
9Jiddallmu l-kwiekeb taż-żerniq tiegħu,
jistenna għal xejn li jfiġġ id-dawl,
u ma jarax tbexbix is-sebħ,
10talli ma żammlix magħluqa bwieb il-ġuf,
u t-taħbit minn għajnejja ma ħebiex.
11Għaliex ma mittx fi ħdan ommi?
Għaliex ma bqajtx fil-ġuf u mitt?
12Għaliex laqgħuni l-irkupptejn?
Għaliex sidrejn biex nerda’?
13Kieku issa jien mimdud u sieket,
kont inkun rieqed u mistrieħ
14mas-slaten u l-kunsillieri tal-art,
jew mal-kbarat li bnew mill-ġdid il-ħerbiet;
15u mal-prinċpijiet li kellhom id-deheb,
li mlew djarhom bil-fidda.
16Għaliex ma kontx bħal rimi moħbi,
bħat-trabi li qatt ma raw id-dawl?
17Hemm il-ħżiena jehdew mill-inkwiet,
u l-għajjenin isibu l-mistrieħ.
18Hemm il-priġunieri lkoll fil-kwiet,
bla ma jisimgħu leħen l-argużin.
19Iż-żgħir u l-kbir hemmhekk qegħdin,
u l-ilsir ħieles minn sidu.
20Għaliex jingħata d-dawl lill-imsejken,
u l-ħajja lil min qalbu kollha mrar?
21Lil dawk li jixxennqu għall-mewt bla ma tiġihom,
u jħaffru għaliha aktar milli għal teżor;
22li jifirħu u jaqbżu bil-ferħ,
jogħxew meta jsibu l-qabar?
23Għaliex il-ħajja lil min triqtu magħluqa,
li Alla għalaq minn kull naħa?
24Għalhekk sar il-krib l-ikel tiegħi,
u jgelgel bħall-ilma t-tnehid tiegħi.
25Għax dak li nibża’ minnu jiġi fuqi,
u dak li jwerwirni jilħaqni.
26M’hemmx kwiet għalija, lanqas sliem,
dejjem bl-inkwiet, ma nistrieħ qatt.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.