ĠEREMIJA 49 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 49Oraklu għal Għammon

1Għal ulied Għammon dan jgħid il-Mulej:

“Ma għandux forsi wliedu Iżrael?

Ma għandux forsi werrieta?

Mela għaliex Milkom wiret lil Gad,

u l-poplu tiegħu jgħammar fi blietu?

2Għalhekk, araw, għad jiġu jiem,

oraklu tal-Mulej,

meta jien insamma’ l-għajta tal-gwerra

għal Rabba ta’ wlied Għammon,

u ssir borġ ħerba,

u blietha n-nar jaħraqhom,

u Iżrael jiret lil min kien wirtu,

il-kelma tal-Mulej.

3Għajjat, Ħesbon, għax wasal il-qerried!

Werżqu, bniet ta’ Rabba.

Tħażżmu bix-xkejjer, u ibku,

morru ġġerrew b’ġildkom imqatta’.

Għax Mikom sejjer fl-eżilju,

bil-qassisin u l-kbarat miegħu.

4X’int tiftaħar bil-widien għammiela,

tfajla infidila!

Qalbek qawwija bil-ħażniet tiegħek tgħid:

‘Min se jiġi għalija?’

5Arani se nġib fuqek il-biża’,

oraklu ta’ Sidi l-Mulej tal-eżerċti,

minn kull naħa ta’ madwarek.

Isuqukom ’il barra

kulħadd għal rasu,

u ma jkun hemm ħadd li jiġbor il-maħrubin.

6Imma mbagħad irraġġa’ lura

x-xorti ta’ wlied Għammon,”

oraklu tal-Mulej.

Oraklu għal Edom

7U lil Edom dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti:

“Forsi m’hemmx aktar għerf f’Teman?

Jaqaw għab l-għaqal mid-dehnin?

Intemm l-għerf tagħhom?

8Aħarbu, erġgħu lura,

morru inħbew fil-qiegħ,

intom li tgħammru f’Dedan.

Għax se nġib fuq Għesaw il-qerda tiegħu

fi żmien kastigu.

9Jekk l-għassara jiġu għandek,

jaqaw ma jħallux xi fdal warajhom?

Jekk billejl jiġu l-ħallelin,

jaqaw ma jeqirdux biss kemm ikollhom bżonn?

10Hekk jien innażża’ lil Għesaw,

nikxiflu l-moħbiet tiegħu,

bla ma jkun jista’ jinħeba.

Jinqerdu nislu, u ħutu, u ġirienu,

u hu ma jibqax iżjed.

11Ħalli l-iltiema tiegħek,

u jien ngħajjixhom

u ħalli r-romol tiegħek jafdaw fija.”

12Għax dan jgħid il-Mulej:

“Araw, jekk dawk li ma kellhomx jixorbu l-kalċi issa jkollhom jixorbuh, jaqaw se tibqa’ int bla kastig? Int ma teħlishiex, għax ikollok tixrob żgur! ssir ħerba, għajb, waħx, saħta, u blietha jkunu kollha ħerba għal dejjem.”

14Jien smajt aħbar mingħand il-Mulej,

messaġġ intbagħat lill-ġnus:

“Inġabru u morru għaliha

u ħejju ruħkom għat-taqtigħa!

15Arani, se nċekknek fost il-ġnus,

nagħmlek għajb fost il-bnedmin.

16Il-biża’ li kont iġġib qarraq bik,

il-kburija ta’ qalbek,

int li tgħammar fi xquq il-blat,

tixxabbat mal-ogħla qċaċet.

Imqar jekk tagħmel il-bejta tiegħek

ogħla minn dik tal-ajkla,

jien inniżżlek minn hemm,

oraklu tal-Mulej.

17Edom għad issir waħx. Kull min jgħaddi minnha jibqa’ mistagħġeb u bla nifs għall-ġerħiet li ġarrbet.

18Bħal meta ġġarrfu Sodoma u Gomorra u l-ġirien tagħhom, jgħid il-Mulej, ħadd iżjed ma jgħammar hemm, ebda bniedem ma jmur joqgħod fiha.

19Ara, bħal iljun tiela’

mill-masġar tal-Ġordan,

għall-mergħat dejjiema,

hekk f’tebqa t’għajn jiena nħarrbu minnu,

u nqiegħed fuqu l-maħtur tiegħi.

Għax min hu bħali?

Min se jħarrikni?

Min hu r-ragħaj li jiqafli?

20Għalhekk isimgħu fehmet il-Mulej,

li għamel għal Edom,

u l-ħsieb li għandu għal dawk li

jgħammru f’Teman.

Iva, ikaxkrulhom saż-żgħar tan-nagħaġ tagħhom,

ħerba ssirilhom il-mergħa tagħhom.

21Titheżżeż l-art għall-ħoss tal-waqgħa tagħhom;

sa minn Baħar il-Qasab jinstama’ twerżiqhom.

22Arawh! Bħal ajkla jitla’ u jittajjar ħafif,

għal fuq Bosra jifrex ġwenħajh,

u qalb il-qalbenin ta’ Edom dakinhar,

bħal qalb mara fil-ħlas issir.”Oraklu għal Damasku

23Dwar Damasku:

“Imħawda Ħamat u Arfad,

għax aħbar ħażina semgħu;

imqallba bħall-baħar,

tqanqlu u m’għandhomx kwiet.

24Infniet Damasku, daret biex taħrab,

qabditha r-rogħda;

id-diqa u l-uġigħ,

bħal mara fil-ħlas ħakmuha.

25Kif telquha, belt it-tifħir,

belt l-għaxqa!

26Iż-żgħażagħ tagħha

għad jaqgħu mejta fil-pjazez tagħha,

u jinqerdu l-gwerriera dakinhar,

oraklu tal-Mulej tal-eżerċti.

27Inkebbes in-nar fuq swar Damasku,

u l-palazzi ta’ Benħadad jiblagħhom.

Oraklu għal Kedar

28Għal Kedar u s-saltniet ta’ Ħasor, li rebaħhom Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja.

Dan jgħid il-Mulej:

“Qumu u itilgħu għal Kedar

u ħarbtu n-nies tal-Lvant.

29Ħa jeħdulhom l-għerejjex u l-imrieħel tagħhom,

ix-xaqaq u tagħmirhom kollu;

ħa jaqbdulhom l-iġmla tagħhom.

Ħa jgħajtu minħabba fihom:

‘Biża’ minn kullimkien.’

30Aħarbu, morru ’l bogħod, għammru f’qiegħ l-art,

intom li tgħammru f’Ħasor!”

Oraklu tal-Mulej.

Għax Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja,

għandu pjan kontrikom,

fassal ħsieb kontrikom.

31Qumu u itilgħu kontra ġens bi kwietu,

li jgħammar fiż-żgur,

oraklu tal-Mulej,

la għandu bwieb u anqas żbarri,

u waħdu jgħammar.

32U l-iġmla tiegħu jaqbduhom priża,

u jeħdulu l-kotra tal-imrieħel tiegħu;

u jien inxerred ma’ kull riħ

lil dawk li jqarwżu ngħashom,

u minn kull naħa l-ħsara nġib fuqhom,

oraklu tal-Mulej.

33Bejta tax-xakalli ssir Ħasor,

ħerba għal dejjem.

Ħadd ma jgħammar fiha

u ebda bniedem ma joqgħod hemm.”

Oraklu għal Għelam

34Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Ġeremija, il-profeta, fuq Għelam, fil-bidu tas-saltna ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, u qallu:

35Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti:

“Arani, se nfarrak qaws Għelam,

sies qawwietu.

36U nġib fuq Għelam l-erbat irjieħ

mill-erbat itruf tas-sema,

u nxerridhom mal-irjieħ kollha,

u ma jkunx hemm ġens fejn

ma jaslux fih il-maħrubin minn Għelam.

37Jien inwerwer lil Għelam quddiem l-għedewwa tiegħu,

u quddiem dawk li jfittxulu ħajtu;

u nġib fuqhom il-ħsara,

is-saħna tal-korla tiegħi,

oraklu tal-Mulej.

Nibgħat warajhom ix-xabla

sakemm inkun qridthom.

38U jien inqiegħed it-tron tiegħi f’Għelam,

u nqaċċat minn hemm

is-sultan u l-prinċpijiet,

oraklu tal-Mulej.

39U jiġri fl-aħħar jiem, irraġġa’ x-xorti ta’ Għelam,

oraklu tal-Mulej.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help