1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “La teqridx”. Salm ta’ Asaf.
2Lilek infaħħru, o Alla, lilek infaħħru;
ismek inxandru, għemilek tal-għaġeb inħabbru.
3“Meta jasal il-waqt li jien għażilt,
jien nagħmel ħaqq bis-sewwa.
4Jekk titriegħed l-art u kulma fiha,
jiena nżomm sħaħ il-pilastri tagħha.”
5Lill-kburin ngħidilhom: “La titkabbrux,”
u lill-ħżiena: “La terfgħux raskom.”
6Terfgħux kontra s-sema raskom;
titkabbrux ma’ Alla bi kliemkom.
7Għax ebda għajnuna ma ssibu,
la mil-Lvant, la mill-Punent,
la mit-Tramuntana u lanqas minn Nofsinhar;
8għax Alla hu l-imħallef:
lil wieħed iniżżlu, lil ieħor jgħollih.
9Il-Mulej għandu f’idu bieqja,
bi nbid qawwi, imħawwar tajjeb;
minnha jisqihom sal-aħħar qatra:
il-ħżiena kollha tal-art jixorbuha.
10Iżda jien għal dejjem nifraħ;
ngħanni lil Alla ta’ Ġakobb.
11L-irjus kollha tal-ħżiena jitkissru;
u jintrefgħu l-irjus tal-ġusti.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.