1Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-sultan ta’ Aram, kien kbir quddiem sidu, u dan kien iġibu ħafna, għax bih il-Mulej kien ta r-rebħa lil Aram. Iżda r-raġel, għad li suldat qalbieni, kien lebbruż.
2Ħarġu l-Aramin bil-ġgajtiet tagħhom, u mill-pajjiż ta’ Iżrael ġiebu magħhom tfajla żagħżugħa, li saret il-qaddejja ta’ mart Nagħman.
3Darba qalet lil sidtha: “Mhux li kien sidi quddiem il-profeta li hemm f’Samarija! Għax kien ineħħilu l-lebbra li għandu!”
4Nagħman daħal ikellem lil sidu u qallu: “Dan u dan ma qalet iż-żagħżugħa li ġibna mill-pajjiż ta’ Iżrael.”
5U s-sultan ta’ Aram qallu: “Aqbad u mur. Issa nibgħat ittra lis-sultan ta’ Iżrael.” U mar, u ħa miegħu għaxar talenti tal-fidda, sitt elef xekel tad-deheb, u għaxar tibdiliet ħwejjeġ.
6U lis-sultan ta’ Iżrael wassallu l-ittra, li kienet tgħid hekk: “Kif tasallek din l-ittra, ara, inkun bgħattlek il-qaddej tiegħi Nagħman, biex tneħħilu l-lebbra li għandu.”
7Malli qara l-ittra s-sultan ta’ Iżrael ċarrat ilbiesu u qal: “Mela jien xi alla, nagħti l-mewt u nagħti l-ħajja, biex dan bagħatli bniedem ħa nneħħilu il-lebbra minn fuqu? Mela kunu afu u araw, li dan tassew qiegħed ifittex li jaqbad miegħi!”
8Issa ġara li Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, sama’ li s-sultan ta’ Iżrael kien ċarrat ħwejġu minn fuqu; u għalhekk bagħat jgħidlu: “Dan għaliex ċarratt ħwejġek minn fuqek? Ħa jiġi għandi, u jkun jaf li hemm profeta f’Iżrael.”
9U mar Nagħman, biż-żwiemel u l-karrijiet tiegħu, u waqaf quddiem il-bieb tad-dar ta’ Eliżew.
10U Eliżew bagħatlu messaġġier jgħidlu: “Mur inħasel seba’ darbiet fil-Ġordan, u ġismek jerġa’ jindaflek.”
15U raġa’ lura għand il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek.”
16U qallu Eliżew: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn.” U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna.
17Għalhekk Nagħman qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej.
18Dan nixtiequ l-Mulej jaħfer lili, il-qaddej tiegħek; li meta sidi jidħol fit-tempju ta’ Rimmon biex jadura hemmhekk, u hu jistrieħ fuq driegħi, u jien ukoll ninxteħet nadura fit-tempju ta’ Rimmon, ħa jaħfer il-Mulej lili, qaddej tiegħu, f’din il-ħaġa.”
19U Eliżew wieġbu: “Mur bis-sliem!” U telaq minn ħdejh u tbiegħed xi ftit.
20Imbagħad Geħażi, il-qaddej ta’ Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, ħaseb u qal: “Ara, sidi ħafirhielu lil Nagħman, dan l-Arami, u ma ħadlu xejn minn idu milli ġieb miegħu. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ħa mmur niġri warajh u niddobba xi ħaġa mingħandu.”
21U Geħażi mar jiġri wara Nagħman. U malli Nagħman lemħu jiġri warajh, niżel mill-karru biex jilqgħu u staqsieh: “Kollox sewwa?”
22U hu wieġbu: “Kollox sewwa, Sidi bagħatni ngħidlek: ‘Ara, għadhom kemm waslu għandi żewġ żgħażagħ mill-muntanji ta’ Efrajm minn ulied il-profeti. Agħtihom, jekk jogħġbok, talent fidda u żewġ tibdiliet ħwejjeġ.
23U Nagħman qallu: “Isa, ħu żewġ talenti!” U ssikkah, u sarrlu żewġ talenti tal-fidda f’żewġ xkejjer, u żewġ tibdiliet ħwejjeġ. U bagħatlu żewġ qaddejja miegħu jġorrulu kollox qablu.
24Xħin wasal fuq l-għolja, ħa kollox minn idejhom, u daħal id-dar; u l-qaddejja bagħathom, u huma telqu.
25Imbagħad hu mar u ppreżenta ruħu quddiem sidu; u Eliżew qallu: “Mnejn ġej, Geħażi?” U wieġbu: “Imkien ma mar il-qaddej tiegħek, la ’l hawn u la ’l hemm.”
26U Eliżew qallu: “Ma ġejtx miegħek bl-ispirtu tiegħi meta r-raġel niżel mill-karru tiegħu biex jiltaqa’ miegħek? U dan kien il-waqt li tieħu l-fidda, u li tieħu l-ilbies, u oqsma taż-żebbuġ u tad-dwieli, u nagħaġ u baqar, u qaddejja rġiel u nisa?
27Għalhekk il-lebbra ta’ Nagħman jaqbad miegħek u ma’ nislek għal dejjem.” U Geħażi ħareġ minn quddiemu abjad bħas-silġ bil-lebbra.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.