MĦALLFIN 16 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 16Sansun f’Gaża

1U Sansun mar Gaża, u hemm ra mara żienja u daħal għandha.

2U marru qalu lin-nies ta’ Gaża: “Sansun ġie hawn!” Dawruh u qagħdulu għassa l-lejl kollu fil-bieb tal-belt, u baqgħu siekta l-lejl kollu u qalu: “Inħalluh sakemm jisbaħ, imbagħad noqtluh.”

3U Sansun baqa’ rieqed sa nofs il-lejl; f’nofs il-lejl qam, qabad il-battenti tal-bieb tal-belt u ż-żewġ waqqafiet, qalagħhom bl-istanga b’kollox, għabbiehom fuq spallejh, u tala’ bihom fuq il-quċċata tal-għolja biswit Ħebron.

Sansun u Dalila

4Ġara li wara dan Sansun ħabb mara mill-wied ta’ Sorek, jisimha Dalila.

5Il-kapijiet tal-Filistin marru għandha u qalulha: “Żiegħel bih u ara mnejn ġejja s-saħħa kbira li għandu, u tkixxfilna biex inkunu nistgħu norbtuh u rrażżnuh. Nagħtuk kull wieħed minna elf u mitt xekel tal-fidda.”

6U Dalila staqsiet lil Sansun: “Għidli mnejn hi ġejja din is-saħħa kbira tiegħek, u biex jistgħu jrażżnuk?”

7U Sansun weġibha: “Jekk jorbtuni b’seba’ ħbula tan-nerv friski u mhux nexfin, insir bla saħħa u nkun bħal kull bniedem ieħor.”

8U l-kapijiet tal-Filistin bagħtulha seba’ ħbula tan-nerv friski, mhux nexfin, u rabtitu bihom.

9U kellha l-għases moħbija fil-kamra u qaltlu: “Il-Filistin fuqek, Sansun!” U hu qatta’ l-irbit bħalma titqatta’ l-ftila tal-istoppa malli tħoss in-nar, u l-qawwa tiegħu ma għarfux mnejn kienet ġejja.

10U Dalila qalet lil Sansun: “Ara, dħakt bija u gdibtli. Issa għidli biex jistgħu jorbtuk.”

11U hu weġibha: “Jekk jorbtuni bi ħbula ġodda li qatt ma sar xogħol bihom, insir bla saħħa u nkun bħan-nies l-oħra.”

12Dalila mbagħad ħadet ħbula ġodda, u rabtitu bihom u qaltlu: “Il-Filistin fuqek, Sansun!” Imma hu qattagħhom minn dirgħajh bħal ħajta.

13U Dalila reġgħet qalet lil Sansun: “S’issa dħakt bija u gdibtli. Għidli biex jistgħu jorbtuk.” U hu weġibha: “Jekk tinseġ is-seba’ nokkli ta’ rasi mal-medd tan-newl, u tħabbathom bl-għuda, insir bla saħħa, u nsir bniedem bħall-oħrajn.

14U hi raqqditu u nisġitlu s-seba’ nokkli ta’ rasu mal-medd, u ħabbtithom bl-għuda u qaltlu: “Il-Filistin fuqek, Sansun!” U hu stenbaħ mir-raqda, u qala’ l-musmar tan-newl u l-medd b’kollox.

15U reġgħet qaltlu: “Kif tgħidli: ‘Inħobbok’, meta int ma tiftaħx qalbek miegħi? Tliet darbiet dħakt bija, u ma għedtlix fiex inhi l-qawwa tiegħek.”

16U billi dejqitu bi kliemha u ta’ kuljum baqgħet issus warajh, iddejjaq għall-mewt.

17U fetaħ qalbu magħha għalkollox u qalilha: “Qatt ma għadda mus minn fuq rasi, għax jien nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommi. Jekk inqaxxar xagħri, il-qawwa tiegħi tgħib għalkollox, u nsir bla saħħa bħal kull bniedem ieħor.”

18Malli ntebħet li fetaħ qalbu magħha għalkollox, Dalila bagħtet issejjaħ lill-Filistin u tgħidilhom: “Itilgħu, għax din id-darba fetaħli qalbu għalkollox.” U telgħu għandha l-kapijiet tal-Filistin u ġiebu l-flus magħhom.

19U raqqditu fuq irkupptejha u sejħet raġel u dan qarwiżlu s-seba’ nokkliet ta’ rasu; u beda jitmantar sakemm marritlu saħħtu minn fuqu.

20U għajtet: “Il-Filistin fuqek, Sansun.” Dan stenbaħ min-ngħas u qal: “Noħroġ bħal dari u neħles.” Ma kienx jaf li l-Mulej kien warrab minnu.

21U qabduh il-Filistin, u qalgħulu għajnejh; u niżżluh Gaża, u rabtuh bis-sniesel tal-bronż, u għalquh idawwar il-mitħna fil-ħabs.

22U xagħru raġa’ beda jikber wara li qarwżuh.

Il-mewt ta’ Sansun

23U l-kapijiet tal-Filistin inġemgħu biex jagħmlu festa u joffru sagrifiċċju kbir lil alla tagħhom Dagon, u qalu:

“Tana f’idejna alla tagħna

lil Sansun, il-għadu tagħna.”

24Malli l-poplu ra lil Sansun bdew ifaħħru lill-alla tagħhom u jgħidu:

“Tana f’idejna alla tagħna

l-għadu tagħna;

u ’l min ħarbtilna artna,

u kattar il-mejtin tagħna.”

25Kif qalbhom imtliet bil-ferħ qalu: “Ħa nsejħu lil Sansun biex jgħaddilna ż-żmien.” U sejħu ’l Sansun mill-ħabs, u beda jilgħab quddiemhom. U qegħduh bejn il-plieri.

26U Sansun qal liż-żagħżugħ li kien qiegħed iżommlu idu: “Ħallini mmiss il-plieri li fuqhom qiegħda żżomm id-dar, u nserraħ fuqhom.”

27Id-dar kienet mimlija rġiel u nisa, u kien hemm il-kapijiet tal-Filistin, u fuq is-setaħ xi tlitt elef raġel u mara jaraw lil Sansun jilgħab.

28U Sansun sejjaħ il-Mulej u qal: “Mulej, Sidi, ftakar fija! Agħtini l-forza, imqar għal din id-darba, o Alla, u f’salt wieħed nitħallas taż-żewġ għajnejja mill-Filistin.”

29U Sansun qabad iż-żewġ plieri tan-nofs, li fuqhom kienet mibnija d-dar, u twieżen fuqhom, fuq waħda bil-lemin u fuq l-oħra bix-xellug.

30U Sansun għajjat: “Ħa mmut jien mal-Filistin.” U Sansun miel ’il quddiem fuqhom b’saħħtu kollha u ġġarrfet id-dar fuq il-kapijiet u fuq il-poplu kollu li kien hemm fiha. U l-għadd tal-mejtin, li qatel f’mewtu, kien akbar minn kemm kien qatel f’ħajtu.

31U niżlu ħutu u d-dar kollha ta’ missieru, u refgħuh u tellgħuh, u difnuh bejn Sorgħa u bejn Estawl fil-qabar ta’ missieru Manuħa.

Dam jaħkem fuq Iżrael għal għoxrin sena.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help