1Hallelujah!
Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,
li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!
2Setgħan fuq l-art ikun nislu;
nisel it-tajbin ikun imbierek.
3Ġid u għana jkunu f’daru;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.
4Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;
twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.
5Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,
li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.
6Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;
għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu.
7Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina;
qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej.
8Qalbu qawwija, m’għandux mniex jibża’,
sa ma jara mxejjen l-għadu tiegħu.
9Iqassam u jagħti lill-foqra;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;
rasu merfugħa bil-ġieħ.
10Jarah il-ħażin u jinkedd,
jgħażgħaż snienu u jtertaq qalbu.
Imma x-xewqa tal-ħżiena tibqa’ bla temma.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.