ISAIJA 47 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 47Il-qerda ta’ Babilonja

1Inżel minn hemm, oqgħod fit-trab,

xbejba, bint Babilonja.

Oqgħod bilqiegħda fl-art, bla tron!

Bint il-Kaldin!

Ħadd ma jsejjaħlek iżjed

‘Il-Ħelwa’ u ‘l-Għaxqana’,

2Aqbad il-mitħna u itħan id-dqiq;

neħħi l-istar minn fuqek;

erfa’ l-kurkar;

ikxef riġlejk, aqsam ix-xmajjar.

3Jikxfulek għertek u jarawlek għajbek!

“Jien għad nitħallas u ma neħlisha lil ħadd.”

4Jgħid il-feddej tagħna,

Jaħweh tal-eżerċti ismu,

il-Qaddis ta’ Iżrael.

5Oqgħod fi kwietek u idħol fid-dlam,

bint il-Kaldin.

Ma jsejħulekx aktar: “Sidt is-saltniet.”

6Kont mgħaddab għall-poplu tiegħi;

niġġist ’il wirti u rħejthom f’idejk,

imma int ma wrejthomx ħniena;

taqqalt il-madmad fuq ix-xjuħ kemm flaħt.

7U int għedt: “Jien inkun sultan għal dejjem.”

Ma daħħaltx f’rasek dawn il-ħwejjeġ;

ma ftakartx fit-tmiem.

8U issa isma’ dan, ja mxaħxħa fil-pjaċir,

int li tgħix b’moħħok mistrieħ;

int li tgħid f’qalbek: “Jiena, u ħadd ħliefi,

ma normol qatt;

ma nkunx bla wlied.”

9Imma dawn it-tnejn f’jum wieħed

f’daqqa għad jilħquk:

telfa ta’ wlied u rmulija.

Għad jilħquk fil-milja tagħhom,

minkejja l-kotra ta’ sħarijietek,

minkejja s-saħħa ta’ magħmulek.

10Int ittamajt fi ħżunijietek;

int għedt: “Ħadd ma jarani!”

Qarrquk għerfek u għaqlek,

u int għedt f’qalbek:

“Jiena, u ħadd ħliefi.”

11Imma għad tilħqek ħsara kbira,

li ma tagħrafx tegħlibha bi sħarijietek,

taqa’ fuqek qerda li ma jkollokx ħila tbiegħed,

tilħqek ħesrem ħerba li qatt ma tkun bsart.

12Żomm sħiħ, mela, fil-magħmul tiegħek,

fil-kotra ta’ sħarijietek,

li fihom stinkajt sa minn żgħożitek.

Għandhom mnejn jiswewlek;

għandek mnejn tbażża’ n-nies bihom.

13Fnietek il-kotra tal-kunsillieri tiegħek!

Ħa jqumu issa u jgħinuk,

l-għarriexa tas-smewwiet,

li jħarsu lejn il-kwiekeb,

u ta’ kull xahar jgħidulek

x’se jkun li ġej għalik.

14Ara, bħat-tiben jaħraqhom in-nar;

ma jeħilsuhiex mis-setgħa tan-nirien.

Ma jkunx ġamar għas-sħana,

ma jkunx nar li toqgħod ħdejh.

15Hekk ikunu għalik dawk li fnewk,

is-saħħara li kellek sa minn żgħożitek;

kulħadd jitlaq għal rasu,

ħadd ma jibqa’ hemm biex jgħinek.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help