ISAIJA 66 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 66Il-ġudizzju ta’ Alla

1Dan jgħid il-Mulej:

“Is-smewwiet it-tron tiegħi,

l-art mirfes riġlejja!

X’dar tistgħu tibnuli?

Fejn hu l-post tal-mistrieħ tiegħi?

2Dawn kollha idejja għamluhom,

dawn kollha tiegħi!

Oraklu tal-Mulej.

Imma fuq dan jien nixħet ħarsti:

fuq l-imsejken u n-niedem f’qalbu,

u fuq min jitriegħed għal kelmti.

3Hawn min joqtol gendus,

imbagħad jidrob bniedem;

hawn min joffri n-nagħaġ,

imbagħad jifga kelb.

Jagħmel l-offerti tal-qmuħ,

u joffri demm il-ħanżir;

jaħraq l-inċens, u jbierek l-idoli.

Dawn in-nies għażlu triqathom,

u qalbhom għoġbuha qżiżijiethom.

4Jien ukoll nagħżel l-hemm għalihom,

u dak li jibżgħu minnu nixħtu fuqhom.

Għax jien sejjaħt, u ħadd ma wieġeb,

tkellimt u ma semgħux.

Għamlu l-ħażin f’għajnejja

u għażlu dak li ma jogħġobnix.”It-twelid tan-Nazzjon

5Isimgħu l-kelma tal-Mulej,

intom li titriegħdu għal kelmtu:

“Qalu ħutkom, li jobogħdukom,

li keċċewkom minħabba ismi:

‘Ħa jissebbaħ il-Mulej,

ħalli naraw il-ferħ tagħkom.’

Iżda huma għad jiregħxu.

6Isimgħu! Ħoss ta’ għagħa mill-belt,

ħoss mit-tempju,

ħoss il-Mulej,

li jrodd il-ħlas lill-għedewwa tiegħu!

7Qabel stess ma tkagħwġet, ħelset;

qabel ma ġieha wġigħ il-ħlas,

wildet iben.

8Min qatt sama’ b’dan?

Minn qatt ra ħaġa bħal din?

Jista’ pajjiż isir f’jum wieħed?

Jista’ poplu jitwieled f’waqt wieħed?

Iva, Sijon, malli ħasset uġigħ il-ħlas,

wildet lil uliedha!

9Jien li niftaħ il-ġuf, ma nwellidx?

Jgħid il-Mulej.

Jien li nwelled, nagħlaq il-ġuf?

Jgħid Alla tiegħek.

10Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha,

intom ilkoll ħbieb tagħha!

Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha,

11Hekk intom terdgħu u tixbgħu minn sider il-faraġ tagħha;

terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha.”

12Għaliex dan jgħid il-Mulej: “Arani!

Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,

u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.

U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,

u jżiegħlu bikom fuq l-irkupptejn.

13Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena nfarraġ lilkom

u f’Ġerusalemm titfarrġu.

14Taraw u tifraħ qalbkom,

u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;

u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej,

u l-korla tiegħu fuq l-għedewwa tiegħu.

15Arawh! Ġej il-Mulej imdawwar bin-nar,

bħal riefnu l-imriekeb tiegħu,

u jferragħ għadbu fis-saħna tiegħu,

u jheddu bl-ilsna tan-nar.

16Għax bin-nar il-Mulej mill-art kollha jagħmel il-ħaqq,

bix-xabla tiegħu minn kull bniedem;

kotra kbira joqtol il-Mulej.

17Dawk li jitqaddsu u jitnaddfu,

u jmorru fil-ġonna wara xulxin

fid-dawra tas-sħarijiet,

dawk li jieklu l-laħam tal-ħanżir,

il-qżiżijiet u l-ġrieden,

ilkoll jintemmu f’daqqa,

oraklu tal-Mulej.

18Jiena naf b’għemilhom u fehmithom;

għad niġi niġbor il-ġnus kollha,

u l-popli ta’ kull ilsien;

dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi.

19Jiena ngħolli għalihom sinjal,

u nibgħat lil xi wħud mill-fdal ta’ Iżrael għand il-ġnus,

f’Tarsis, Put, Lud, u Mesek, Ros, Tubal u Ġawan,

u lejn ix-xtut imbiegħda li qatt ma semgħu bija,

u qatt ma raw is-sebħ tiegħi,

u huma jxandru s-sebħ tiegħi qalb il-ġnus.

20U jġibu lil ħutkom kollha minn kull ġens,

bħala offerta lill-Mulej;

iġibuhom fuq żwiemel u karrijiet,

fuq suġġetti u bgħula u iġmla,

għal fuq il-muntanja qaddisa tiegħi,

f’Ġerusalemm, jgħid il-Mulej,

bħalma wlied Iżrael iġibu l-offerti tal-qmuħ tagħhom

f’ġarar indaf fit-tempju tal-Mulej.

21U lil xi wħud minnhom neħodhom b’qassisin u Leviti, jgħid il-Mulej.

22Għax bħalma jibqgħu quddiemi s-smewwiet ġodda,

u l-art ġdida li jiena nagħmel, jgħid il-Mulej,

hekk jibqa’ nisilkom u isimkom.

23U jiġri li minn xahar għal xahar,

u minn Sibt għal Sibt,

kulħadd jiġi jinxteħet quddiemi, jgħid il-Mulej.

24U meta joħorġu, jaraw l-iġsma

tan-nies li xxewxu kontrija.

Id-dud tagħhom ma jmutx,

lanqas jintefa n-nar tagħhom,

u kulħadd jistmellhom.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help