1U l-Mulej qal lil Noè: “Idħol int, u darek kollha fl-arka, għax quddiemi jiena lilek sibt ġust fost in-nies ta’ dan iż-żmien.Għerf 10,4; Sir 44,17; 2 Pt 2,5.
2Mill-bhejjem kollha safjin daħħal miegħek seba’ pari, kull par ir-raġel u l-mara tiegħu. U mill-bhejjem li mhumiex safjin par wieħed, ir-raġel u l-mara.Lev 11.
3U mit-tjur tal-ajru wkoll daħħal seba’ pari, kull par ir-raġel u l-mara, biex jibqa’ nisel fuq l-art kollha.
4Għax minn hawn u sebat ijiem oħra se nibgħat xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u neqred mill-wiċċ kollu tal-art kull ħliqa li jien għamilt.”Ġen 6,17; 2 Pt 2,5.
5U Noè għamel skont ma ordnalu l-Mulej.
6U Noè kellu sitt mitt sena meta d-dilluvju għarraq l-art.
7U daħal Noè u miegħu wliedu, martu, u n-nisa ta’ wliedu, fl-arka, minħabba l-ilma tad-dilluvju.Għerf 14,6; Mt 24,38; Lq 17,27; 1 Pt 3,20; 2 Pt 2,5.
8Mill-bhejjem safjin u mill-bhejjem mhumiex safjin, u mit-tjur u minn kulma jitkaxkar fl-art,
9daħlu tnejn tnejn, ir-raġel u l-mara, fl-arka ma’ Noè, kif kien ordna Alla lil Noè.Ġen 6,19.
10U malli għaddew is-sebat ijiem beda nieżel l-ilma tad-dilluvju fuq l-art.
Id-dilluvju11Fis-sitt mitt sena ta’ għomor Noè, fit-tieni xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, f’dan il-jum infaqgħu l-għejun tal-qiegħ il-kbir u nfetħu bwieb is-smewwiet.S 104,2-16; Is 24,18.
12U baqgħet nieżla x-xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl.
13Sewwasew f’dan il-jum daħlu fl-arka Noè u Sem, Ħam u Ġafet, ulied Noè, u l-mara ta’ Noè, u t-tliet nisa ta’ wliedu magħhom;
14huma u l-annimali kollha skont ġenshom, u l-bhejjem skont ġenshom u kulma jitkaxkar fl-art skont ġensu u kull tajra skont ġensha, u kull xorta ta’ għasafar.
15Daħlu fl-arka ma’ Noè, tnejn tnejn minn kull laħam li kien fih nifs il-ħajja.
16U dawk li daħlu ġew, raġel u mara, minn kull ġens; daħlu bħalma kien ordnalu Alla. U l-Mulej sakkar warajh.
17U d-dilluvju baqa’ sejjer fuq l-art għal erbgħin jum; u l-ilmijiet bdew joktru u jgħollu l-arka, u din għoliet ’il fuq minn wiċċ l-art.
18U l-ilmijiet tqawwew u kotru ħafna fuq l-art, u l-arka kienet tgħum f’wiċċ l-ilma.
19U tqawwew bis-sħiħ l-ilmijiet fuq l-art, u għattew il-muntanji għoljin kollha taħt is-sema.
20Ħmistax-il driegħ ’il fuq għola l-ilma u tgħattew il-muntanji.
21U mietu l-ħlejjaq ħajjin kollha li jgħixu fuq l-art, tjur, bhejjem tad-dar, annimali selvaġġi, kulma jitkaxkar mal-art, u l-bnedmin kollha.Ġob 22,16; Mt 24,39; Lq 17,27; 2 Pt 3,6.
22Kulma kellu nifs il-ħajja f’imnifsejh, kulma kien jgħix fl-inxif, miet.
23U qered il-ħlejjaq kollha minn wiċċ l-art: mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru sat-tajr tal-ajru, kollha nqerdu minn wiċċ l-art, u baqa’ biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka.
24U l-ilmijiet baqgħu jgħarrqu l-art għal mija u ħamsin jum.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.