1Jien ukoll bniedem li jmut, bħall-oħrajn kollha,
imnissel mill-ewwel bniedem li sar mit-trab;
f’ġuf ommi ssawwart b’ġisem,
2tul żmien ta’ għaxar xhur magħqud bid-demm,
miż-żerriegħa ta’ raġel u l-pjaċir sieħeb l-irqad.
3Jiena wkoll meta twelidt, ħadt nifs li kulħadd jieħu,
waqajt fuq l-istess art li ġġibna lkoll,
bħall-oħrajn il-biki kien l-ewwel li semmajt.
4Fil-ħrieqi fisqewni u b’ħafna ħsieb rabbewni.
5Għax l-ebda sultan ma jibda ħajtu mod ieħor.
6Xorta waħda lkoll jidħlu fil-ħajja l-bnedmin,
u xorta waħda lkoll joħorġu minnha.
7Għalhekk jien tlabt u qlajt l-għaqal;
sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu tal-għerf.
8Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru u tron,
u ntbaħt li l-għana mhu xejn ħdejh.
9Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża,
għax id-deheb kollu ħdejh mhuwiex ħlief ftit ramel,
u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn.
10Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu,
u għoġobni aktar mid-dawl;
għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.
11Mal-għerf ġieni l-ġid kollu,
u miegħu ġiebli għana bla qjies.
12Jien fraħt b’dan kollu, għax kollox ġie wara l-għerf;
u ma kontx naf li hu l-bidu ta’ kollox.
13Bla qerq tgħallimtu u bla għira lill-oħrajn ngħaddih;
l-għana tiegħu ma naħbihx.
14Għax hu għall-bniedem teżor bla qjies;
dawk li jiksbuh isiru ħbieb Alla,
jogħġbuh bid-doni li jieħdu minn tagħlimu.
15Jagħtini Alla li nitkellem sewwa kif għaraft,
u naħseb kif jixraq bid-doni li tani.
Għax hu t-triq tal-għerf,
hu jmexxi l-għorrief fis-sewwa.
16F’idejh qegħdin aħna u kliemna,
u d-dehen u s-sengħa ta’ għemilna.
17Hu li tani tagħrif bla qerq ta’ kulma hawn,
li nagħraf kif inhi d-dinja u l-qawwa tal-elementi tagħha;
18il-bidu, it-tmiem u n-nofs taż-żminijiet,
it-tibdil fil-mixi tax-xemx u l-qlib tal-istaġuni,
19id-dawriet tas-snin u l-post tal-kwiekeb;
20l-għamla tal-bhejjem u l-imġiba tal-annimali;
il-qawwa tal-irjieħ, u l-ħsibijiet tal-bniedem,
it-tiżwiq tax-xtieli u s-saħħa tal-għeruq.
21Ħwejjeġ moħbija jien għaraft u dawk li jidhru;
għax għallimhomli l-għerf, li għamel kollox.
22Fl-għerf hemm spirtu
intelliġenti, qaddis, waħdieni,
ta’ ħafna għamliet, fin, u attiv;
jinfed fil-fond, u tebgħa m’hemmx fih;
ċar u ebda ħsara ma tista’ għalih;
iħobb il-ġid u misnun sewwa;
23xejn ma jżommu u l-ġid jagħmel;
iħobb il-bniedem, sod u żgur bla inkwiet;
kollox jista’ u fuq kollox jgħasses,
u fl-erwieħ kollha jidħol,
imqar f’dawk intelliġenti, safja u fini sewwa.
24Għax l-għerf jitħarrek aktar minn kull ħaġ’oħra li titħarrek;
minħabba s-safa tiegħu jidħol f’kollox u jinfirex ma’ kullimkien.
25Hu bħal daħna ħafifa tas-setgħa ta’ Alla,
nixxiegħa safja tal-glorja ta’ Dak li jista’ kollox;
għalhekk xejn imdennes ma jidħol fih.
26Hu raġġ tad-dawl ta’ dejjem,
mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta’ Alla,
u xbieha tat-tjieba tiegħu.
27Għalkemm hu waħdu, kollox jista’,
jibqa’ dak li hu fih innifsu, u jġedded kollox;
minn żmien għal żmien jidħol f’erwieħ qaddisa,
u jagħmilhom ħbieb ta’ Alla u profeti.
28Xejn ma jħobb Alla, jekk mhux dak li jgħix mal-għerf.
29Għax l-għerf jiddi aktar mix-xemx,
u aqwa minn kull ġemgħa ta’ kwiekeb,
imxebbah mad-dawl, hu isbaħ minnu.
30Wara dawl il-jum jiġi dlam il-lejl;
imma l-għerf l-ebda ħażen ma jista’ għalih.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.