SALMI 79 - Maltese Bible with DC

Salm 79Ilment għall-ħerba ta’ Ġerusalemm

1Salm ta’ Asaf.

O Alla, daħlu l-ġnus f’wirtek,

niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek,

għamlu ’l Ġerusalemm ħerba waħda.

2Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek

b’ikel lit-tjur tal-ajru;

taw laħam ħbiebek lill-bhejjem tal-art.

3Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm;

u ma kienx hemm min jidfinhom.

4Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna,

għad-daħk u ż-żebliħ għal ta’ madwarna.

5Mulej, għal dejjem se tibqa’ inkurlat magħna?

Se tibqa’ mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek?

6Sawwab qilltek fuq il-ġnus li ma jagħrfukx,

fuq is-saltniet li ma jsejħux ismek.

7Għax huma belgħu l-poplu ta’ Ġakobb,

u ħarbtu l-art fejn jgħammar.

8Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;

fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,

għax ninsabu mifnija għall-aħħar.

9Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,

f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;

eħlisna u aħfrilna dnubietna,

minħabba l-isem tiegħek.

10Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus:

“Fejn hu Alla tagħhom?”

Ħa jkunu jafu l-ġnus quddiem għajnejna

li int titħallas tad-demm li xerrdu tal-qaddejja tiegħek.

11Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin;

fil-kobor ta’ qawwietek

salva ’l dawk li huma għall-mewt.

12Dawwar għal seba’ darbiet għal fuq il-ġnus ta’ madwarna

it-tkasbir li tefgħu fuqek, Sidna.

13U aħna, il-poplu tiegħek u l-merħla tal-mergħa tiegħek,

niżżuk ħajr għal dejjem;

minn żmien għal żmien inxandru tifħirek.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help