1Oraklu fuq Damasku:
“Araw, Damasku ma tibqax aktar belt, imma ssir ħerba!
2Blietha għad jitilquhom għal dejjem,
u jibqgħu għall-imrieħel,
hemm jimteddu u ħadd ma jgerrixhom.
3Il-fortizza tispiċċa minn idejn Efrajm,
u s-saltna minn Damasku.
U jiġrilu fdal Aram kif se jiġri lil sebħ ulied Iżrael,
oraklu tal-Mulej tal-eżerċti.
4U jiġri f’dak il-jum li
s-sebħ ta’ Ġakobb jidbiel,
u s-simna ta’ laħmu togħlob.
5Jiġrilu bħal meta l-ħassad jaqbad iż-żara’
u driegħu jaħsad is-sbul;
u jiġrilu bħal wieħed li jiġbor is-sbul
fil-wied ta’ Refajm.
6Jifdallu biss x’erba’ żebbuġiet,
- bħal meta jfarfru ż-żebbuġa -
tnejn jew tliet żibġiet f’ras il-fergħa,
erbgħa jew ħamsa fi truf il-friegħi tas-siġra,
oraklu tal-Mulej Alla ta’ Iżrael.
7Dakinhar il-bniedem idur lejn min għamlu;
idawwar għajnejh lejn il-Qaddis ta’ Iżrael.
8Ma jħarisx iżjed lejn l-artali li għamlu jdejh,
ma jħarisx aktar fuq li għamlu subgħajh:
ix-xbihat tal-Asera u l-plieri tax-Xemx.
9Dakinhar blietek jiġrilhom bħalma ġralhom l-ibliet
abbandunati mill-Ħiwwin u l-Amurrin, meta dawn telquhom
minħabba wlied Iżrael, u saru ħerba.
10Għax int insejt lil Alla, is-Salvatur tiegħek;
ma ftakartx fil-Blata, il-Qawwa tiegħek.
Int tħawwel il-ġonna ta’ Adon;
tħawwel iż-żraġen għal alla barrani;
11iddawwarhom b’ħajt meta tħawwilhom;
u l-għada filgħodu tnibbet iż-żerriegħa tiegħek;
imma l-frott jgħib f’jum il-mard
u l-uġigħ bla fejqan.
Il-qerda tal-għedewwa12“Ah! It-tgargir ta’ kotra ġnus,
bħat-tgargir tal-baħar qawwi.
It-tqanqil ta’ ġnus setgħana,
13bħat-tqanqil ta’ ħalel kbar.
Imma l-Mulej jheddidhom
u jaħarbu ’l bogħod
misjuqa bħal tibna fuq l-għoljiet mir-riħ,
u bħal tromba trab quddiem ir-riefnu.
14Filgħaxija kien hemm il-biża’ tagħhom,
sa minn qabel is-sebħ għabu lkoll.
Din hi x-xorti ta’ dawk li jisirquna,
dan hu s-sehem ta’ dawk li jaħtfulna ġidna.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.