DANJEL BIL-GRIEG Daħla għall-Ktieb ta’ Danjel bil-Grieg - Maltese Bible with DC
Daħla għall-Ktieb ta’ Danjel bil-GriegIl-Ktieb ta’ Danjel inkiteb bil-Lhudi (1,1—2,4a; 8,1—12,13) u bl-Aramajk (2,4b—7,28) u hekk għadu l-oriġinal. Imma maż-żmien żdiedu ma’ dan l-oriġinal biċċiet bil-Grieg: it-Talba ta’ Għażarija (3,24-45), il-Kantiku tat-tliet żgħażagħ (3,51-90), l-Istorja ta’ Susanna (13,1-64), l-Istorja ta’ Bel (14,1-22) u l-Istorja tad-Dragun (14,23-42). Uħud jaħsbu li taħt il-verżjoni Griega ta’ dawn il-biċċiet jinħeba oriġinal bil-Lhudi li m’għadux f’idejna. Jeżistu żewġ verżjonijiet tal-Ktieb ta’ Danjel bil-Grieg, dak tas-Septwaġinta li fih ukoll iż-żjidiet li semmejna, u dik ta’ Teodozju li fih biss it-tradizzjoni tat-test Lhudi u Aramajk mingħajr iż-żjidiet. Ir-referenzi għall-Ktieb ta’ Danjel fit-TĠ insibuhom meħudin miż-żewġ edizzjonijiet tal-verżjoni Griega.Għalkemm illum il-Ktieb ta’ Danjel huwa meħud bħala ktieb profetiku fil-verżjonijiet insara tal-Bibbja, mil-Lhud huwa mgħoddi mal-Ketubim, jiġifieri mal-kitbiet li dehru lejn l-aħħar sekli qabel il-miġja ta’ Ġesù Kristu (ara d-Daħla għall-Ktieb ta’ Bin Sirak). Huwa magħruf li nkiteb matul iż-żmien tal-Makkabin (it-Tieni seklu QK); l-istudjużi tal-qedem, Lhud u nsara, kienu jinterpretaw litteralment il-kuntest storiku li għażel l-awtur għall-personaġġi tiegħu: Danjel u sħabu. Huwa jpoġġihom fi żmien l-imperu Babiloniż; imma llum kulħadd jaqbel li din kienet parti mill-istrateġija letterarja tal-awtur biex ikun jista’ jinterpreta l-istorja ta’ żmienu, l-aktar il-persekuzzjoni tal-Lhud minn Antjoku IV Epifani li ried jimponi l-kultura u r-reliġjon Lhudija fuq il-Lhud li waqfulu bil-kbir (ara 1-2 Makkabin).Normalment nieħdu l-Ktieb ta’ Danjel bħala li huwa magħmul minn żewġ partijiet: 1-6 u 7-12. L-ewwel parti fiha diversi stejjer dwar żgħażagħ li baqgħu fidili lejn ir-reliġjon tagħhom minkejja li sabu ruħhom f’diffikultajiet kbar. It-tieni parti hija mibnija minn sensiela ta’ viżjonijiet li jkollu Danjel li fihom jgħid li Alla kkomunikalu t-tifsira tal-ġrajjiet li seħħew sa żmienu. Il-lingwaġġ hawnhekk huwa simboliku. Din l-għamla ta’ letteratura tissejjaħ apokalittika. Il-Ktieb ta’ Danjel kien jinqara mill-insara bħala profezija għal Ġesù Kristu u kellu influwenza kbira l-Ktieb ta’ Apokalissi ta’ San Ġwann. Iż-żjidiet daħlu minħabba r-rabta tagħhom mal-personaġġ ewlieni, Danjel, u huma talb jew innijiet liturġiċi (it-Talba ta’ Għażarija u l-Kantiku tat-tliet żgħażagħ), rakkont ta’ xhieda ta’ fedeltà lejn Alla (Susanna), u siltiet polemiċi kontra l-qima lejn allat foloz (Bel u d-Dragun). Uħud setgħu nkitbu qabel il-ktieb innifsu ta’ Danjel.Il-Lhud u l-insara mit-tradizzjoni Protestanta jaċċettaw bħala ispirat biss l-oriġinal Lhudi/Aramajk filwaqt li l-Kattoliċi jgħoddu b’ispirati ż-żjidiet ukoll għax hekk daħal fil-Knisja tal-bidu.