SALMI 132 - Maltese Bible with DC

Salm 132Il-wegħda ta’ Alla lil David

1Għanja tat-Telgħat.

Ftakar, Mulej, f’David

u fl-hemm tiegħu kollu.

2Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej,

u wiegħed lil Alla, il-Qawwi ta’ Ġakobb:

3“Ma nidħolx taħt is-saqaf ta’ dari,

ma nitlax fuq il-friex ta’ soddti,

4ma nagħlaqx għajnejja u norqod

u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,

5sa ma nsib post għall-Mulej,

għamara għal Alla, il-Qawwi ta’ Ġakobb.”

6Araw, smajna bl-arka f’Efrata,

sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.

7Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu,

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh!

8Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek,

int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

9Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek,

jgħajtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

10Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.

11Il-Mulej ħalef wegħda lil David,

u żgur li ma jerġax lura minnha:

“Wieħed min-nisel tiegħek

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek.

12Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem

joqogħdu fuq it-tron tiegħek.”

13Għax il-Mulej għażel ’il Sijon,

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

14“Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!

15Bil-barka nimla l-ħażniet tagħha,

bil-ħobż inxabba’ l-foqra tagħha.

16Bis-salvazzjoni llibbes il-qassisin tagħha,

bil-ferħ jgħajtu l-ħbieb tagħha.

17Hemm inqajjem qawwa lil David,

inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.

18Bil-mistħija llibbes l-għedewwa tiegħu,

imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help