SALMI 144 - Maltese Bible with DC

Salm 144Rebħ, ġid u sliem

1Ta’ David.

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi,

li jħarriġli idejja għat-taqbida

u subgħajja għat-taqtigħa.

2Tjieba tiegħi u qawwa tiegħi,

kenn tiegħi u ħellies tiegħi,

tarka tiegħi, fih jien nistkenn;

hu li jrażżan il-popli taħti.

3Mulej, x’inhu l-bniedem biex taħseb fih,

jew bin il-bniedem biex tiftakar fih?

4Bħal daqsxejn ta’ nifs hu l-bniedem;

bħal dell li jgħaddi huma jiemu.

5Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek, u inżel;

miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.

6Agħmel il-beraq u xerridhom;

faqqa’ s-sajjetti u ħarrabhom.

7Midd idek mill-għoli, aħtafni mill-ilma kotran;

eħlisni minn id il-barrani,

8li b’fommu jgħid il-gideb,

u b’lemintu jixhed il-qerq.

9O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek,

fuq arpa ta’ għaxar kordi ngħannihielek.

10Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,

li teħles lil David, il-qaddej tiegħek.

11Mis-sejf tal-ħażin ħarisni;

eħlisni minn id il-barrani,

li b’fommu jgħid il-gideb,

u b’lemintu jixhed il-qerq.

12Ħa jkunu wliedna f’żgħożithom

bħal xitel imlaħħaq sewwa;

uliedna l-bniet bħal kolonni minquxa,

iżejnu l-irkejjen tal-palazzi.

13Ħa jkunu l-imħażen tagħna mfawra,

u jagħtu kull xorta ta’ ġid.

L-imrieħel bl-eluf iwelldu,

għaxriet ta’ eluf fir-raba’ tagħna;

14ħa jkunu mgħobbija il-bhejjem tagħna.

Ebda selħa fis-swar,

ħadd ma jaqa’ lsir,

ma jkunx hemm biki fil-pjazez tagħna.

15Hieni l-poplu li għandu dan kollu!

Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help