NAĦUM 3 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 3Tehdid kontra Ninwè għal ħtijietha

1Ħażin għal belt id-dmija, kollha qerq,

mimlija ħtif, u s-serq ma jaqta’ xejn.

2Ħoss il-frosta,

ħoss it-tkarwit tar-roti,

żwiemel ilebbtu ħfief,

karrijiet jaqbżu,

3rikkieba jħebbu għall-għedewwa tagħhom,

ix-xabla tleħħ fid-dija,

il-lanza tilma,

kotra ta’ midrubin,

għadd kbir ta’ maqtulin,

iġsma bla tarf,

kulħadd imfixkel jaqa’ fil-mejtin!

4Ħtija taż-żina kbir tal-mara żienja,

sbuħitha ġmiel li jsaħħar:

li jassret bosta ġnus biż-żina tagħha,

u qerdet popli sħaħ bis-seħer tagħha.

5Ara, jiena kontrik,

oraklu tal-Mulej tal-eżerċti,

jiena ntellagħlek djulek sa fuq wiċċek,

nikxef quddiem il-ġnus il-għera tiegħek

f’wiċċ is-saltniet għawarek għad inberraħ;

6inwaddab il-ħmieġ fuqek,

u ġieħek inwaqqagħlek,

u nagħmel wirja minnek.

7U jiġri mbagħad

li min iħares lejk jitwarrab minnek,

u jgħid: “Ninwè meqruda!

Min se jitħassarha?

Mnejn infittxilha,

min iħenn għaliha?”

8Jaqaw inti aħjar minn No-amon,

li kienet f’xatt ix-xmara?

Madwarha kellha l-baħar,

u bħal imramma tagħha kien il-baħar,

b’sur tagħha l-ilmijiet,

9l-Etjopja l-qawwa tagħha,

u hekk l-Eġittu, qawwa bla tarf;

b’għajnuna kellha ’l Put u n-nies tal-Libja.

10Iżd’hija wkoll inġarret lejn l-eżilju,

marret itturufnata;

u wliedha ż-żgħar ukoll sefgħu mbiċċra

fi ftuħ kull triq;

għan-nobbli tagħha tefgħu x-xorti,

u rabtu l-kbarat tagħha lkoll bil-ktajjen.

11Għad inti wkoll tintilef minn sensik,

u tkun mifnija

għad inti wkoll tfittex

xi kenn mill-għadu.

Għalxejn titħejja Ninwè

12Sarulek il-fortizzi kollha tiegħek

siġar tat-tin, mimlija frott tal-bikri,

malli tħarrku, jaqa’ f’ħalq min jieklu.

13Arah, il-poplu tiegħek;

int nisa għandek fik!

Infetħu beraħ bibien artek

quddiem l-għedewwa tiegħek;

l-istaneg tiegħek mikulin min-nar.

14Aħseb biex taħżen l-ilma għall-assedju,

mur saħħaħ il-fortizzi,

agħġen it-tajn,

agħġen it-tafal,

aqbad f’idejk il-forma tal-madum.

15Hemmhekk in-nar għad jieklok

u s-sejf jeqirdek,

jieklok bħall-ġradijiet.

Tista’ toktor bħall-ġrad;

tista’ titkattar daqs l-urieżaq!

16Kabbart l-għadd tan-neguzjanti tiegħek

aktar minn dak tal-kwiekeb tas-smewwiet;

imma l-ġrad joħroġ mill-fosdqa u jittajjar.

17L-għassiesa bħall-urieżaq,

l-uffiċjali tiegħek bħal sħab ta’ ġradijiet,

li jinżlu jgħammru fuq is-swar f’jum kiesaħ.

Titla’ x-xemx u l-ġrad itir u jaħrab,

ma jkun magħruf minn ħadd ’il fejn imur.

Fejn huma?

18Mela raqdu r-rgħajja tiegħek,

sultan tal-Assirja?

Il-kbarat tiegħek marret għajnhom bihom,

xtered fuq il-muntanji l-poplu tiegħek,

m’hemm ħadd li jerġa’ jiġbru.

19Anqas għall-ħsara tiegħek m’hemm fejqan,

il-ġerħa tiegħek ma tistax tagħlaqlek.

Dawk kollha li jisimgħu bl-aħbar tiegħek

jinfexxu jċapċpu jdejhom kontra tiegħek.

Għax min hu dak li ma ħassux għaddej

minn fuqu bla waqfien id-deni tiegħek?

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help