ISAIJA 30 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 30Il-ftehim fieragħ mal-Eġittu

1“Ħażin għalikom, ulied xewwiexa,

oraklu tal-Mulej.

Jippruvaw, iżda mingħajri,

jintrabtu u jiftiehmu, iżda mhux skont l-ispirtu tiegħi,

biex iżidu dnub fuq dnub.

2Telqu u niżlu l-Eġittu,

bla ma stħarrġu x’ngħid jien.

Marru jistagħnew bil-qawwa tal-Fargħun,

ifittxu l-kenn taħt dell l-Eġittu.

3Imma l-qawwa tal-Fargħun tkun għajb għalikom,

u l-kenn taħt dell l-Eġittu l-mistħija tagħkom.

4Meta jaslu l-prinċpijiet tiegħu f’Sogħan,

u l-messaġġiera tiegħu jilħqu Ħanes,

5kulħadd jistħi minn poplu bla fejda,

għax mhux ta’ għajnuna, anqas ta’ siwi,

imma ta’ għajb u diżunur.

6Oraklu għall-bhejjem tan-Negeb:

F’art ta’ hemm u dwejjaq,

fejn hemm l-iljun u l-iljuna jgħajtu,

il-lifgħa u s-serp itir,

iġorru ġidhom fuq dahar il-ħmir,

u t-teżori tagħhom fuq ħotbiet l-iġmla

għal għand poplu li ma jiswiex.

7L-għajnuna tal-Eġittu hi fiergħa u vojta;

għalhekk jien sejjaħtlu:

“Raħab l-għażżiena”.

8Issa, ejja iktibhielhom fuq tavlozz,

u naqqaxha quddiemhom fuq il-bronż,

biex tkun għaż-żmien li ġej

xhieda għal dejjem.

9Għax dan il-poplu xewwiex,

ulied giddieba;

ulied li ma jridux jisimgħu

l-liġi tal-Mulej.

10Jgħidu lill-veġġenti: ‘La tarawx,’

u lill-profeti: ‘La tħabbrulniex is-sewwa.

Għidulna li jogħġobna;

ħabbrulna l-ħolm.

11Oħorġu mit-triq, warrbu mill-mogħdija,

neħħulna minn quddiemna l-Qaddis ta’ Iżrael.’

12Għalhekk dan jgħid il-Qaddis ta’ Iżrael:

“Talli intom tistmerru dan il-kliem,

u tittamaw fil-qerq u l-għawġ,

u fuqhom tistrieħu,

13għalhekk dan id-dnub ikun għalikom,

bħal biċċa ħajt imżakkra se taqa’ mill-għoli,

waslet fi tmiemha sakemm tiġġarraf ħabta u sabta;

14titfarrak bħalma titfarrak ġarra tal-fuħħar,

titkisser bla ħniena,

u ma tibqax xaqqufa mill-frak tagħha

biex tiġbor biha ġamra mill-kenur,

jew timla qatra ilma minn ġol-ġiebja.

15Għax dan jgħid Sidi l-Mulej,

il-Qaddis ta’ Iżrael:

“Fil-konverżjoni u l-kalma

ssibu s-salvazzjoni tagħkom;

fil-kwiet u l-fiduċja

qiegħda l-qawwa tagħkom.”

Imma intom ma ridtux, iżda għedtu:

16“Fuq żwiemel naħarbu,”

għalhekk tassew għad taħarbu.

“Fuq żwiemel ħfief nirkbu,”

u ħfief ikunu dawk li għad jiġru warajkom.

17Mit-theddida ta’ wieħed jitbeżżgħu elf,

quddiem it-theddida ta’ ħamsa taħarbu,

sakemm tibqgħu bħal arblu fuq quċċata ta’ muntanja,

bħal lasta fuq għolja.

18Madankollu mxennaq il-Mulej biex jagħdirkom,

u għalhekk iqum biex iħenn għalikom.

Għax Alla ġust hu l-Mulej; henjin dawk li jafdaw fih.

Il-ħniena ta’ Alla għal Iżrael

20Tassew li l-Mulej jagħtik ħobż l-imrar,

u l-ilma tan-niket,

iżda ma jinħebiex iżjed minnek l-Imgħallem tiegħek;

għajnejk jaraw l-Imgħallem tiegħek.

21Minn warajk jisimgħu widnejk kliem

li jwissik u jgħidlek: “Din hi t-triq; għaddi minnha,

sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug.”

22Imbagħad int tniġġes ix-xbihat imnaqqxa bil-fidda miksija,

ix-xbihat imdewba u mdiehba tiegħek;

int tarmihom bħal ħwejjeġ maħmuġa,

u tgħidilhom: “Morru ’l barra!”

23U hu jibgħat ix-xita fuq il-miżrugħ tiegħek,

u l-qamħ, frott l-art, ikun bnin u mimli.

Dakinhar

l-imrieħel tiegħek jirgħu f’wesgħat kbar;

24fir-raba’ l-gniedes u l-ħmir tax-xogħol jieklu għalf immellaħ,

imderri bil-midra u mgħoddi mill-għarbiel.

25U fuq kull muntanja kbira,

fuq kull għolja wieqfa,

ikun hemm xmajjar ta’ ilma f’jum il-ħerba l-kbira,

f’jum it-tiġrif tal-fortizzi.

26Id-dawl tal-qamar

ikun jiddi bħad-dawl tax-xemx,

u d-dawl tax-xemx jitqawwa seba’ darbiet,

daqs id-dawl ta’ sebat ijiem;

dakinhar il-Mulej idewwi l-ġrieħi tal-poplu tiegħu

u jfejjaq it-tbenġil tas-swat tiegħu.Il-kastig tal-Assirja

27Araw, isem il-Mulej ġej mill-bogħod,

mixgħul bil-korla u b’duħħan tiela’ madwaru,

xufftejh mimlija qilla,

u lsienu jibla’ bħan-nar.

28U nifsu bħal xmara mfawra tilħaq sal-għonq,

ġej biex jgħarbel il-ġnus b’għarbiel il-qerda,

u jxedd f’xedaq il-popli lġiem,

li joħroġhom barra t-triq.

29U jkunilkom l-għana bħal meta billejl tiċċelebraw xi festa,

u ferħ ta’ qalb bħal min jimxi bid-daqq tal-flawt,

u jmur fuq l-għolja tal-Mulej

lejn il-Blata ta’ Iżrael.

30U l-Mulej isamma’ l-leħen solenni tiegħu,

u juri d-daqqa ta’ driegħu,

bil-qilla ta’ għadbu u lsien ta’ nar wikkiel,

b’xita qawwija, tempesta u silġ kbir.

31Għax għal leħen il-Mulej titwerwer l-Assirja,

meta jidrobha bil-virga tiegħu.

32Ma’ kull daqqa ta’ ħatar il-kastig li jniżżel il-Mulej

idoqqu t-tnabar u l-arpi flimkien maż-żfin;

ixejjer l-armi u jissielet bihom.

33Ilu mħejji t-Tofet għall-ħruq,

lest għas-sultan, fond u wiesa’,

b’gozz kbir ħatab għan-nar;

nifs il-Mulej, bħal wied kubrit, jagħtih in-nar.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help