GĦAMOS 5 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 5F’Alla hemm il-ħajja

1Isimgħu din il-kelma,

li jien se llissen għalikom,

għanja ta’ biki, O Iżrael.

2“Waqgħet biex ma terġax tqum,

ix-xbejba ta’ Iżrael.

Minxura fl-art, ħadd ma jqajjimha.”

3Għax dan jgħid Sidi l-Mulej:

“Il-belt li ħarġet b’elf ruħ,

tibqa’ b’mija,

u dik li ħarġet b’mija,

tibqa’ b’għaxra,

għad-dar ta’ Iżrael.”

4Għax dan jgħid il-Mulej lil dar Iżrael:

“Fittxuni u tgħixu.

5La tfittxux lil Betel,

la tmorrux f’Gilgal,

la tgħaddux lejn Birsaba.

Għax Gilgal tittieħed fl-eżilju,

u Betel issir ħerba.”

6Fittxu lill-Mulej u tgħixu.

Li ma joħroġx bħan-nar għal dar Ġużeppi,

jibla’ kollox u ma jkunx hemm min jitfih,

għad-dar ta’ Iżrael.

7Intom li tibdlu l-ġustizzja fi mrar,

u tixħtu s-sewwa mal-art!

8Hu li għamel il-Plejadi u l-Orjon,

li jibdel id-dlam fis-sebħ,

u l-jiem fil-lejl mudlam;

li jsejjaħ ilmijiet il-baħar,

u jsawwabhom fuq wiċċ l-art,

Jaħweh jismu.

9Li jġiegħel tleħħ il-qerda fuq il-qawwi,

u l-qerda jġib fuq il-fortizza.

10Jobogħdu ’l min iwiddeb fil-bieb,

u jistmerru ’l min jgħid is-sewwa.

11Għax intom għakkistu l-fqir,

u teħdulu t-taxxa minn fuq il-qamħ.

Intom bnejtu djar b’ġebel minġur,

imma intom fihom ma tgħammrux.

Xettiltu oqsma sbieħ tad-dwieli,

imma l-inbid ma tixorbuhx.

12Għax naf kemm huma dnubietkom,

u ħtijietkom kemm huma kbar.

Intom tgħakksu l-bniedem sewwa,

tieħdu r-rigali,

u twarrbu l-ġustizzja mill-imsejknin fil-bieb.

13Min hu għaqli jibqa’ sieket

fi żmien bħal dan,

għax huwa żmien ħażin.

14Fittxu l-ġid, u mhux id-deni,

jekk tridu tgħixu,

u l-Mulej, Alla tal-eżerċti,

ikun magħkom, bħalma għedtu.

15Obogħdu d-deni u ħobbu l-ġid,

saħħu l-ġustizzja f’bieb il-belt;

u l-Mulej Alla tal-eżerċti

għandu mnejn iħenn għal fdal Ġużeppi.

16Għalhekk jgħid il-Mulej,

Alla tal-eżerċti, Sidi:

“Tinwiħ fil-pjazez kollha,

u fit-triqat kollha jgħajtu:

‘Jaħasra! Jaħasra!’

Isejħu lill-bidwi biex isewwed qalbu,

u l-bekkejja biex inewħu.

17Tinwiħ f’kull għalqa tad-dwieli,

għax jien se ngħaddi minn ġo nofsok,”

jgħid il-Mulej.L-eżilju ta’ Iżrael

18Jaħasra għalikom li tixtiequ Jum il-Mulej!

L-għala triduh Jum il-Mulej?

Dlam hu, u mhux dawl.

19Bħal meta wieħed jaħrab minn quddiem l-iljun,

u jiltaqa’ miegħu l-ors,

jew jidħol id-dar u jqiegħed idu mal-ħajt,

u jigdmu s-serp.

20Jaqaw mhux tassew li Jum il-Mulej

dlam u mhux dawl?

Mhuwiex swied bla ebda dija?

21Il-festi tagħkom sirt nobgħodhom u nistmerrhom,

ebda gost ma nsib fil-laqgħat tagħkom.

22Meta tressquli quddiemi

l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tagħkom,

ma jogħġbunix,

u anqas biss inħares lejn l-offerti tas-sliem

tal-bhejjem imsemmna tagħkom.

23Warrbu minni l-għajjat tal-għana tagħkom,

ma rridx nisma’ bid-daqq tal-arpi tagħkom.

24Ħallu l-ġustizzja tgelgel bħall-ilma,

u s-sewwa bħal wied ta’ dejjem.

25Ressaqtuli, forsi, vittmi u offerti

għall-erbgħin sena fid-deżert, dar ta’ Iżrael?

26Intom iġġorru ’l Sikkut, is-sultan tagħkom,

u l-kewkba ta’ Kewan, alla tagħkom,

l-idoli li intom għamiltu għalikom.

27Imma jien neżiljakom ’l hemm minn Damasku.”

Dan jgħid il-Mulej,

Alla tal-eżerċti jismu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help