1Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,
2bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb.
Inti frixt is-smewwiet bħal tinda,
3waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.
Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek,
fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.
4L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek,
u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.
5Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha,
b’mod li qatt ma titħarrek;
6bl-ibħra, bħal b’libsa, inti ksejtha;
u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.
7Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu;
malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.
8Mal-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu;
posthom, li int tajthom, jieħdu.
9Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżiżtilhom,
biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.
10L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien,
u huma jiġru qalb l-għoljiet.
11Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba’,
u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.
12Ħdejhom jgħammru l-għasafar tal-ajru,
minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.
13Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek,
u tixba’ l-art bil-frott ta’ għemilek.
14Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem,
u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,
biex joħroġ il-ħobż mill-art,
15inbid li jferraħ qalb il-bniedem,
żejt li jsebbħilhom wiċċhom,
u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.
16Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej,
iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.
17Fihom ibejtu l-għasafar,
iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.
18Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev,
l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.
19Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien,
u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.
20Titfa’ d-dlam, u jsir il-lejl;
fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.
21Frieħ l-iljun jgħajtu biex jaħtfu,
jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.
22Malli titla’ x-xemx jinġabru,
fl-għerien tagħhom jitgeddsu.
23U l-bniedem joħroġ għax-xogħol,
u jibqa’ jaħdem sa filgħaxija.
24Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf għamilthom;
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
25Dan il-baħar ta’ kobor u wisa’ bla tarf,
li fih jimraħ ħut bla għadd;
bhejjem żgħar u bhejjem kbar.
26Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu,
fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.
27Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha
li tagħtihom ikilhom f’waqtu.
28Inti tagħtihom, u huma jiġbru;
tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.
29Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;
jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
30Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art.
31Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
32Kif hu jħares lejn l-art titheżżeż;
kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.
33Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha,
indoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.
34Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.
35Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, u jgħibu l-ħżiena.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.
Hallelujah!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.