1Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu:
2“Għid lil Elgħażar bin Aron, il-qassis, biex jieħu ċ-ċnieser minn ġon-nar, u jarmi n-nar li hemm fihom, għaliex huma kkonsagrati., u hekk jibqgħu sinjal għal ulied Iżrael.”
4U Elgħażar, il-qassis, ħa ċ-ċnieser tal-bronż li kienu offrew in-nies li nħarqu, u huma għamluhom pjanċi biex jiksu l-artal bihom,
5u hekk ulied Iżrael jiftakru li ma għandu jersaq ebda profan, li mhux min-nisel ta’ Aron, biex jaħraq l-inċens quddiem il-Mulej, li ma jmurx jiġrilu bħal Koraħ u sħabu, bħalma ordna l-Mulej permezz ta’ Mosè.
It-tixwixa tal-poplu6L-għada l-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael bdew igemgmu kontra Mosè u Aron u jgħidu: “Intom qtiltu l-poplu tal-Mulej.”
7U l-ġemgħa kollha nġabret kontra Mosè u Aron, u dawn dawru wiċċhom lejn it-tinda tal-laqgħa, u minnufih ksietha s-sħaba u dehret il-glorja tal-Mulej.
8U ġew Mosè u Aron quddiem it-tinda tal-laqgħa,
9u l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:
10“Warrbu minn nofs din il-ġemgħa ħalli jien neqridhom f’salt wieħed.” U huma nxteħtu għal wiċċhom fl-art.
11U Mosè qal lil Aron: “Aqbad iċ-ċensier, u poġġi fih in-nar mill-artal, ixħet l-inċens, u mur malajr lejn il-ġemgħa, u itlob maħfra għalihom, għaliex ħarġet il-qilla tal-Mulej, u beda l-flaġell.”
12U Aron ħa ċ-ċensier bħalma qallu Mosè, mar f’nofs il-ġemgħa, u ra li l-flaġell kien diġà beda f’nofs il-poplu. Imbagħad xeħet l-inċens, u talab maħfra għall-poplu.
13U hu waqaf bejn il-mejtin u l-ħajjin, sakemm intemm il-flaġell.
14U ġara li l-mejtin b’dan il-flaġell laħqu l-erbatax-il elf u seba’ mija, minbarra dawk li kienu mietu qabel minħabba Koraħ.
15U malli waqaf il-flaġell Aron raġa’ lura ħdejn Mosè, ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa.
Il-ħatar ta’ Aron16U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:
17“Kellem lil ulied Iżrael, u ħu ħatar minn kull dar, wieħed minn kull prinċep ta’ tribù, tnax-il wieħed b’kollox; u kull wieħed jikteb ismu fuqu.
18Isem Aron tiktbu fuq il-ħatar ta’ Levi, għax ikollhom ħatar wieħed għal kull prinċep ta’ tribù.
19U tqegħedhom fit-tinda tal-laqgħa quddiem ix-xhieda fejn jiena niltaqa’ magħkom.Eż 25,21-22.
20U jiġri li l-ħatar tal-bniedem li jien naħtar, iwarrad, u hekk insikket it-tgemgim ta’ madwari, li wlied Iżrael qegħdin igemgmu kontra tagħkom.”
21U Mosè kellem lil ulied Iżrael, u l-prinċpijiet tagħhom tawh ilkoll ħatar għal kull prinċep ta’ tribù, skont id-djar tagħhom, tnax-il ħatar b’kollox; u l-ħatar ta’ Aron kien f’nofshom.
22U Mosè qiegħed l-oħtra quddiem il-Mulej fit-tinda tax-xhieda miktuba.
23U ġara li l-għada Mosè daħal fit-tinda tal-laqgħa, u hemm hu l-ħatar ta’ Aron tat-tribù ta’ Levi kien ħareġ ir-rimi, fetaħ iż-żahar u għamel lewż misjur.
24Mosè mbagħad ħareġ l-oħtra kollha minn quddiem il-Mulej, u ġiebhom quddiem ulied Iżrael, u rawhom, u kull wieħed ħa l-ħatar tiegħu.
25U l-Mulej qal lil Mosè: “Erġa’ qiegħed il-ħatar ta’ Aron quddiem ix-xhieda miktuba biex iżżommu bħala sinjal għal dawk li jmieru, u hekk jieqaf it-tgemgim tagħhom kontra tiegħi u ma jmutux.”
26U Mosè għamel kif ordnalu l-Mulej, u hekk għamel.
27U wlied Iżrael qalu lil Mosè: “Aħna se mmutu, ninqerdu, u nintemmu lkoll.
28Għax kull min jersaq lejn it-tinda tal-Mulej imut. Jaqaw għandna mmutu lkoll?”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.