1Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Mikea, minn Moreset, fi żmien Ġotam, Aħaż u Ħeżekija, slaten ta’ Ġuda, li kellu dehriet dwar Samarija u Ġerusalemm.Tehdid u kundanni
2Isimgħu, popli kollha,
agħti widen, art u kulma fik:
Sidi l-Mulej ikun xhud kontrikom,
is-Sid mit-tempju mqaddes tiegħu!
3Għax, ara, il-Mulej ħiereġ mill-għamara tiegħu,
se jinżel u jirfes fuq l-għoljiet tal-art;
4il-muntanji jdubu taħtu,
u l-widien jinħallu,
bħax-xema’ quddiem in-nar,
bħall-ilma mitluq għan-niżla.
5Dan kollu minħabba d-dnub ta’ Ġakobb,
u minħabba l-ħtija ta’ dar Iżrael.
X’inhu d-dnub ta’ Ġakobb?
Mhux Samarija?
U x’inhi l-ħtija ta’ dar Ġuda?
Mhux Ġerusalemm?
6Lil Samarija nagħmilha borġ ġebel fir-raba’,
għalqa fejn ixettlu d-dwieli;
il-ġebel tagħha narmih fil-wied,
u nikxfilha s-sisien tagħha.
7L-istatwi tagħha kollha jitfarrku,
il-qligħ tagħha kollu jinbala’ fin-nar,
l-idoli tagħha kollha neqridhomlha;
għax minn qligħ in-nisa żienja ġabrithom,
u kiri tan-nisa żienja jerġgħu jsiru.Tilwim dwar l-ibliet fil-Lbiċ ta’ Ġuda
8Fuq hekk nibki u nolfoq,
immur imnażża’ u għeri,
noqgħod nibki bħax-xakalli,
u nnewwaħ bħan-ngħama.
9Għax il-ġerħa tagħha m’hemmx fejqan għaliha,
u messet ukoll lil Ġuda,
laħqet sal-bieb tal-poplu tiegħi,
sa lil Ġerusalemm.
10Tgħiduhiex f’Gatt;
tibku xejn;
f’Bet-legħafra tmiegħku fit-trab!
11Għaddi ’l hemm,
int li tgħammar f’Safir;
dawk li jgħammru f’Sanan
ma ħarġux mill-belt.
Bet-esel inqabdet sa mis-sisien tagħha,
sa mill-post qawwi tagħha.
12Qiegħda tnin bix-xewqa għall-ġid
dik li tgħammar f’Marot;
imma mingħand il-Mulej niżlet il-ħsara
f’bieb Ġerusalemm.
13Orbot iż-żiemel ġerrej fil-karru,
int li tgħammar f’Lakis;
int il-bidu tad-dnub għal bint Sijon,
għax fik instabu d-dnubiet ta’ Iżrael.
14Għalhekk ikollok tagħti r-rigali tat-tluq
lil Moreset-gat.
Bet-akżib tkun gidba
għas-slaten ta’ Iżrael.
15Għad nerġa’ nġib fuqek ’il min jirbħek,
int li tgħammar f’Maresa;
sa Għadullam għad tasal,
il-glorja ta’ Iżrael.
16Tfartas u tqarweż,
għal ulied l-għaxqa tiegħek,
il-qargħa tiegħek daqs ta’ ajkla,
għax ittieħdu fl-eżilju ’l bogħod minnek!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.