1Iva, għandha l-fidda l-minjiera tagħha
u d-deheb il-post fejn jissaffa.
2Jittieħed mit-trab il-ħadid,
u r-ram mill-ħaġar imdewweb.
3Jagħmel il-bniedem tarf għad-dlam,
sal-qiegħ nett hu jistħarreġ.
Fil-blat sewdieni u mdallam
4jaqta’ mina ’l bogħod mid-djar.
Fi mkejjen minsija mir-riġel jiddendel,
imbiegħed min-nies jitbandal.
5Dik l-art li minnha joħroġ il-ħobż,
minn taħt imqallba bin-nar.
6Minjiera taż-żaffir il-ħaġar tagħha,
it-trab tagħha fih id-deheb.
7It-triq għal hemm l-ebda għasfur tal-ħtif ma jafha,
anqas għajn il-bies ma tilmaħha.
8Ma jirfsux fuqha l-bhejjem selvaġġi,
anqas ma jgħaddi minnha l-iljun.
9Il-bniedem imidd idu għall-blata taż-żnied,
iqalleb mill-qiegħ il-muntanji.
10Minn ġol-blat jaqta’ mini,
u jaraw għajnejh minn kull ħaġar prezzjuż.
11Iħammel ir-ramel tal-widien,
u joħroġ għad-dawl ħwejjeġ moħbija.
12Imma l-għerf minn fejn jiġi,
u fejn hu postu d-dehen?
13Fejn qiegħed l-għerf ma jafx il-bniedem,
l-għerf ma jinstabx f’art il-ħajjin.
14Il-Qiegħ jistqarr: ‘Mhux fija’;
il-Baħar jgħid: ‘Mhux għandi’.
15Bl-ifjen deheb ma jinxtarax,
anqas ma jitħallas b’mitqlu fidda.
16Ma jintiżinx mad-deheb ta’ Ofir,
anqas mal-aħjar oniċi jew maż-żaffir.
17Ma jiswiex daqsu d-deheb u l-ħġieġ,
ma jinbidilx ma’ vażun tad-deheb fin.
18Il-qroll u l-kristall anqas ma nsemmuhom;
tikseb l-għerf aqwa mill-ġawhar.
19It-topaz tal-Etjopja ma jiswiex daqsu,
anqas joqgħod ħdejh id-deheb l-aktar fin.
20L-Għerf, mela, minn fejn jiġi?
U fejn hu postu d-dehen?
21Hu moħbi minn għajnejn il-ħajjin kollha,
hu mistur imqar għat-tjur tal-ajru.
22It-Telfien u l-Imwiet jgħidu:
‘B’widnejna ħadna ħbaru.’
23Triq l-Għerf Alla biss jagħrafha,
Hu biss jafu postu.
24Għax hu jħares lejn truf l-art,
u jara taħt is-sema kollu.
25Meta ffissa lir-riħ il-qawwa tiegħu,
u qassam bil-qjies l-ilmijiet;
26meta għamel sieqja għax-xita,
u triq għall-beraq tar-ragħad,
27dak il-ħin rah u qiesu,
stħarrġu għalkollox u wettqu.
28U qal lill-bniedem:
‘Ara, li tibża’ mill-Mulej hu l-għerf,
li titbiegħed mill-ħażen, l-għaqal.’
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.