1Tiftaħarx bil-jum ta’ għada,
għax ma tafx x’se jġib miegħu l-jum.
2Ħa jfaħħrek ħaddieħor, iżda mhux fommok;
min hu barrani, iżda mhux xufftejk.
3Il-ġebel qawwi u r-ramel tqil,
imma qillet l-iblah itqal minnhom it-tnejn.
4Il-qilla kiefra u l-għadab ikaxkar;
imma l-għira min jista’ għaliha?
5Aħjar ċanfira f’wiċċek,
minn imħabba moħbija.
6Is-swat ta’ min iħobb, sinċier,
il-bews ta’ min jobgħod, qarrieq.
7Min hu xebgħan sal-għasel idejqu,
min hu bil-ġuħ kull morr jiġih ħelu.
8Bħal għasfur li jitbiegħed mill-bejta,
hekk hu dak li jitbiegħed minn daru.
9Il-fwieħa u l-inċens iferrħu l-qalb,
u l-ħlewwa ta’ ħabib hena tar-ruħ.
10Tinsiex lil ħabibek u ’l ħabib missierek,
tmurx f’dar ħuk meta tkun fl-inkwiet.
Aħjar ġar fil-qrib minn ħuk fil-bogħod.
11Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi,
biex inkun nista’ nwieġeb lil min jgħajjarni.
12Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab;
min moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.
13Żommlu lbiesu ’l min jagħmel tajjeb għal ħaddieħor;
żommhomlu b’rahan għal min hu barrani.
14Min ibierek lil ġaru b’leħen għoli,
sa minn sbieħ il-jum,
tistħajlu aktar qiegħed jisħtu.
15L-ilma jqattar dejjem f’jum ix-xita,
u mara ġellieda, it-tnejn xorta;
16tipprova żżommilha, qisek qed iżżomm ir-riħ,
jew taqbad b’idek iż-żejt.
17Kif il-ħadid isinn il-ħadid,
hekk bniedem jirfina lil sieħbu.
18Min jieħu ħsieb is-siġra tat-tin jiekol minn frottha,
u min iħares lil sidu jkollu l-ġieħ.
19Kif fl-ilma tara wiċċek,
hekk f’qalb ħaddieħor tara qalbek.
20Qiegħ l-Art u l-Imwiet qatt ma jimtlew;
hekk qatt ma jixbgħu għajnejn il-bniedem.
21Il-fidda tidher bin-nar u d-deheb fil-forn;
u l-bniedem jintwera bil-fomm ta’ min ifaħħru.
22Lanqas jekk tisħqu f’mehrież lill-iblah,
ma tneħħilu minn fuqu bluhatu.
23Agħraf sewwa n-nagħaġ tiegħek,
ħu ħsieb l-imrieħel tiegħek;
24għax l-għana ma jibqax għal dejjem,
u lanqas il-ġieħ minn nisel għal ieħor.
25Jintemm il-ħaxix u jidher inbiet ieħor,
u jinġabar il-ħaxix tal-għoljiet;
26il-ħrief jagħtuk x’tilbes,
il-gidjien jiswewlek daqs għalqa;
27il-mogħoż jagħtuk ħalib biżżejjed
għall-ikel tiegħek u tan-nies ta’ darek,
u għall-għajxien tax-xbejbiet tiegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.