SALMI 33 - Maltese Bible with DC

Salm 33Tifħir lis-setgħa u l-provvidenza ta’ Alla

1Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

2Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;

għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.

3Għannulu għanja ġdida;

doqqulu bis-sengħa u b’leħen qawwi.

4Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

5Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

6Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,

u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

7Bħal f’ġarra l-ilmijiet ġabar,

u l-ibħra kbar fi mħażen.

8Ħa tibża’ mill-Mulej l-art kollha;

jitbeżża’ minnu kull min jgħammar fid-dinja.

9Għax hu tkellem, u hi saret;

hu ordna, u hi twaqqfet.

10Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

11Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu.

12Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirtu.

13Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha;

14mill-post fejn jgħammar jistħarreġ fuq

dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

15Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed,

u jagħraf għemilhom kollu.

16Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu tiegħu kollu,

anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu.

17Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa,

b’saħħtu kollha ’l ħadd ma jeħles.

18Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

19Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

20Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

21Fih jinsab l-hena ta’ qalbna,

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

22Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help