1Għanja ta’ David, li għanna lill-Mulej minħabba f’Kus ta’ Benjamin.
2Mulej, Alla tiegħi, fik il-kenn tiegħi;
salvani minn kull min iħabbatni, u eħlisni,
3li ma jaħtfunix bħal iljun u jqattgħuni,
u ma jkunx hemm min jeħlisni.
4Mulej, Alla tiegħi, jekk dan jien għamilt,
jekk ħatja ta’ xi ħażen huma idejja,
5jekk b’deni għall-ġid ħallast lil ħabibi,
jew għal xejn b’xejn ħarbatt l-għadu tiegħi,
6ħa jqum l-għadu kontrija u jirbaħni,
mal-art taħt riġlejh jitfagħni,
u ġieħi fit-trab ikasbarli.
7Qum, Mulej, bil-qilla tiegħek,
ieqaf kontra s-saħna tal-għedewwa tiegħi;
stenbaħ, u agħmilli l-ħaqq li int ordnajt.
8Ħa jinġemgħu l-ġnus madwarek;
fuqhom int toqgħod fil-għoli.
9Mulej, int li tagħmel ħaqq mill-popli,
agħmel ħaqq minni, Mulej, skont is-sewwa tiegħi
u skont it-tjubija li hemm fija.
10Ħa jintemm il-ħażen tal-ħżiena,
u jitwettaq il-bniedem sewwa.
Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb, int Alla ġust.
11It-tarka tiegħi hu Alla,
li jsalva ’l min hu qalbu safja.
12Alla hu mħallef ġust,
Alla li dejjem jitħallas mill-ħażen.
13Tassew li l-għadu jiġi u jsinn is-sejf,
l-ark jissikka u jimmirah.
14Diġà ħejja l-armi tal-mewt,
il-vleġeġ għamilhom għodda mikwija.
15Arah, l-għadu jnissel il-ħażen,
jitqal bil-qerq u jiled il-gideb.
16Fetaħ bir u ħaffru sewwa;
iżda jaqa’ fil-ħofra li għamel hu.
17Fuq rasu taqa’ l-ħsara li għamel;
fuqu tinżel id-dnewwa tiegħu.
18Inrodd ħajr lill-Mulej għall-ġustizzja tiegħu;
ngħanni isem il-Mulej, isem l-Għoli.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.