ISAIJA 27 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 27Il-ħelsien ta’ Iżrael

1F’dak il-jum jikkastiga l-Mulej bix-xabla qalila,

kbira u qawwija tiegħu

lil Levjatan, is-serp ħafif,

lil Levjatan, is-serp jitkagħweġ;

joqtol id-dragun li hemm fil-baħar.

2F’dak il-jum jgħidu:

“Għannulha lill-ġnejna tad-dwieli,

il-ġnejna fiha għaxqa!

3Jiena l-Mulej, l-għassies tagħha.

Kull ħin u kull waqt insaqqiha.

Biex ma tiġrilha ebda ħsara,

lejl u nhar jien inħarisha.

4Ma għadnix imgħaddab.

Li kien hemm ix-xewk u l-ħurrieq,

kont nagħmlilhom gwerra,

naħraqhom ilkoll f’salt wieħed,

5sakemm ma jfittxux il-kenn fija

u ma jagħmlux paċi miegħi,

u ma jagħmlux paċi miegħi.”

6U jfiġġ jum meta jxenxel għerq Ġakobb,

meta jarmi u jiżhar Iżrael,

u wiċċ id-dinja jimlewh bil-frott.

7Jaqaw darbu l-Mulej bħalma kien darab lil min darbu?

Jaqaw qatlu bħalma kien qatel lil min qatlu?

8Ikkastigahom billi keċċiehom u bagħathom ’il barra;

kaxkarhom bir-riħ qawwi tiegħu f’jum ix-Xlokk.

9B’dan tinħafer il-ħtija ta’ Ġakobb;

dan ikun il-ħlas għat-tneħħija ta’ dnubu:

li jagħmel il-ġebel tal-artal, bħal ġebel misħuq tal-ġir,

li ma jwaqqafx ix-xbihat tal-Asera u l-plieri tax-Xemx.

10Il-belt qawwija saret ħerba,

post battal, mitluq bħad-deżert;

fih jirgħa l-għoġol,

hemm jimtedd, hemm ilaqqat il-friegħi.

11Jinxfu u jitqarqċu l-friegħi tagħha,

in-nisa jiġu u bihom iqabbdu n-nar,

għax hu poplu bla moħħ;

għalhekk ma jħennx għalihom dak li ħalaqhom,

u min sawwarhom ma jagħdirhomx.

12U dakinhar jiġri

li l-Mulej jidres il-qamħ

mix-xmara tal-Ewfrat sal-Wied tal-Eġittu,

u intom tinġabru wieħed wieħed,

ulied Iżrael.

13Dakinhar tindaqq it-tromba l-kbira,

u jiġu lura l-mitlufin f’art l-Assirja,

u l-imxerrdin fl-art tal-Eġittu,

u jqimu lill-Mulej,

fuq il-muntanja mqaddsa f’Ġerusalemm.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help