2 KRONAKI 18 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 18Ftehim bejn Ġosafat u Aħab

1Ġosafat kellu ġid bla qjies, u tħallat bi żwieġ ma’ Aħab.1 Slat 22,1-35.

2Wara li għaddew xi snin niżel għand Aħab f’Samarija. Aħab offra b’sagrifiċċju kotra ta’ baqar u nagħaġ, għalih u għan-nies li kellu miegħu, u ħajru jitla’ miegħu kontra Ramot-gilgħad.

3U Aħab, is-sultan ta’ Iżrael, qal lil Ġosafat sultan ta’ Ġuda: “Tiġi miegħi Ramot-gilgħad?” U dak wieġbu: “Lili qisni int; lill-poplu tiegħi qisu l-poplu tiegħek; u aħna miegħek għall-gwerra.”

4U Ġosafat qal lis-sultan ta’ Iżrael: “Stħarreġ issa l-kelma tal-Mulej!”

5U s-sultan ta’ Iżrael ġabar il-profeti, erba’ mitt wieħed, u staqsiehom: “Immorru għal Ramot-gilgħad, jew nibqa’ hawn?” U huma weġbuh: “Itla’, u jerħilha Alla f’idejn is-sultan.”

6U Ġosafat qal: “Ma għadx baqa’ xi profeta tal-Mulej biex nistaqsu lilu?”

7U s-sultan ta’ Iżrael wieġeb lil Ġosafat: “Għad fadal ieħor biex nistaqsu lill-Mulej permezz tiegħu. Imma jiena nobogħdu għax qatt ma jħabbarli r-riżq imma dejjem id-deni - Mikaja bin Imla.” U Ġosafat wieġeb: “Ma għandux jgħid hekk is-sultan.”

8U s-sultan ta’ Iżrael sejjaħ wieħed mill-uffiċjali u qallu: “Ġib malajr lil Mikaja bin Imla.”

9U s-sultan ta’ Iżrael u Ġosafat, is-sultan ta’ Ġuda, kienu qegħdin kull wieħed fuq it-tron tiegħu, libsin gala, fil-misraħ ħdejn id-daħla tal-bieb ta’ Samarija, u l-profeti kollha jħabbru quddiemhom.

10U Sedekija bin Kengħana għamel qrun tal-ħadid u qal: “Dan jgħid il-Mulej: B’dawn tidrob lil Aram sa ma ġġibhom fix-xejn.”

11U l-profeti lkoll ħabbru l-istess u bdew jgħidu: “Itla’ għal Ramot-gilgħad u r-riżq miegħek, għax il-Mulej jerħiha f’idejn is-sultan.”

Il-profezija ta’ Mikaja

12U l-messaġġier li kien mar isejjaħ lil Mikaja, kellmu u qallu: “Ara, il-profeti lkoll kelma waħda jħabbru l-ġid lis-sultan. Tkun mela l-kelma tiegħek bħall-kelma ta’ kull wieħed minnhom, u ħabbar il-ġid.”

13U Mikaja wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, dak li jgħidli Alla tiegħi, ngħidhulu!”

14U wasal għand is-sultan u s-sultan qallu: “Mikaja, immorru naħbtu għal Ramot-gilgħad jew nibqa’ hawn?” U dan wieġeb: “Itilgħu u r-riżq magħkom; għax jintreħew f’idejkom.”

15U s-sultan qallu: “Kemm-il darba għandi nġagħlek taħlef jien, biex ma tgħidx ħlief is-sewwa f’isem il-Mulej.”

16U l-profeta wieġbu:

“Rajt lil Iżrael kollu mxerred fuq il-muntanji bħan-nagħaġ bla ragħaj.

U l-Mulej qal: ‘Ma għandhomx sidien dawn.

Ħa jerġgħu bis-sliem kulħadd għal daru.’”

17U s-sultan ta’ Iżrael qal lil Ġosafat: “Ma għedtlikx jien li mhux se jħabbarli r-riżq, imma d-deni?”

18Imma l-profeta qal: “Isimgħu l-kelma tal-Mulej: Jien rajt lill-Mulej bilqiegħda fuq it-tron tiegħu, u l-eżerċti kollha tas-sema qegħdin fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu.

19U qal il-Mulej: ‘Min se jqarraq b’Aħab, sultan ta’ Iżrael, biex jitla’ u jibqa’ mejjet f’Ramot-gilgħad?’ U min wieġeb mod u min wieġeb ieħor.

20U mbagħad ħareġ spirtu u ppreżenta ruħu quddiem il-Mulej u qallu: ‘Jiena nqarraq bih.’ U l-Mulej staqsieh: ‘Biex?’

21U dak wieġeb: ‘Jien noħroġ u nkun l-ispirtu tal-gideb fuq fomm il-profeti tiegħu kollha.’ U wieġbu: ‘Int tqarraq bih u tirbaħ żgur. Mur u agħmel hekk.’

22U issa, ara, il-Mulej qiegħed l-ispirtu tal-gideb fuq fomm dawn il-profeti tiegħek u l-Mulej qatagħha li jibgħatlek id-deni.”

23U resaq Sedekija bin Kengħana u ta daqqa ta’ ħarta lil Mikaja u qallu: “Kif inhi din li l-ispirtu tal-Mulej għadda mingħandi biex ikellem lilek?”

24U Mikaja wieġbu: “Għad tarah int stess dakinhar li tibda tiġri minn kamra għal oħra tfittex tistaħba.”

25U s-sultan ta’ Iżrael ordna: “Aqbdu lil Mikaja u ħuduh għand Amon, il-prinċep tal-belt, u għand Ġowas bin is-sultan.

26U għidilhom: ‘Dan jordna s-sultan: ixħtu lil dan fil-ħabs u titimgħuh bi ftit ħobż u ilma sakemm nerġa’ lura bis-sliem.’ ”

27U Mikaja qallu: “Jekk int terġa’ lura bis-sliema, ma jkunx tkellem il-Mulej bija.” U ssokta: “Isimgħu, ġnus, ilkoll kemm intom.”

It-telfa u l-mewt ta’ Aħab

28U s-sultan ta’ Iżrael u Ġosafat, sultan ta’ Ġuda, telgħu għal Ramot-gilgħad.

29U s-sultan ta’ Iżrael qal lil Ġosafat: “Se nbiddel ħwejġi qabel ma niġi għall-battalja, iżda inti tibqa’ bi ħwejġek.” U s-sultan ta’ Iżrael biddel ħwejġu, u marru għall-battalja.

30U s-sultan ta’ Aram ordna lill-fizzjali tal-karrijiet tiegħu u qalilhom: “Titqabdux maż-żgħir u l-kbir, imma fittxu lis-sultan ta’ Iżrael biss.”

31U ġara li malli l-fizzjali lemħu lil Ġosafat qalu: “Dak hu s-sultan ta’ Iżrael.” U daru biex jaħbtu għalih: imma Ġosafat beda jgħajjat, u l-Mulej għenu, u Alla begħedhom minnu.

32Xħin il-fizzjali tal-karrijiet raw li ma kienx is-sultan ta’ Iżrael, reġgħu lura minnu.

33U wieħed ġibed il-qaws bl-addoċċ, u laqat is-sultan ta’ Iżrael bejn il-malji u l-kurazza. U mbagħad is-sultan qal lis-sewwieq tal-karru: “Dawwar idek, u oħroġni barra mill-kamp, għax qiegħed inħossni ħażin.”1 Slat 22,34; 2 Kron 35,23.

34U dakinhar il-battalja ħraxet, u s-sultan ta’ Iżrael kien wieqaf fuq il-karru biswit Aram il-jum kollu, u miet hi u nieżla x-xemx.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help