ĠENESI 49 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 49L-aħħar barka ta’ Ġakobb

1U Ġakobb sejjaħ lil uliedu u qalilhom: “Inġabru ħdejja ħa nħabbrilkom x’għandu jiġri fl-aħħar jiem:

2Inġabru u isimgħu, ulied Ġakobb,

agħtu widen lil Iżrael missierkom.

3Ruben, int il-kbir tiegħi,

il-qawwa tiegħi u l-bikri ta’ rġuliti,

l-ogħla fil-ġieħ,

u l-ogħla fil-qawwa.

4Imbaqbaq bħall-ilma,

ma togħliex fil-ġieħ.

Għax int tlajt fuq friex missierek,

biex kasbart is-sodda ta’ martu.

5Simgħon u Levi aħwa,

għodod il-vjolenza sjufhom.

6Qalbi ma tagħtinix għal laqgħathom,

u ġieħi ma nsibux f’ġemgħathom.

Għax f’għadabhom qatlu n-nies,

u b’kapriċċ qatgħu għerq il-barri.

7Misħut għadabhom għax qalil;

misħuta l-kefrija ta’ qillthom.

Inqassamhom f’Ġakobb,

u nxerridhom fost Iżrael.

8Ġuda, int lilek ifaħħruk ħutek.

Idek fuq ras l-għedewwa tiegħek;

u quddiemek imilu wlied missierek.

9Int ferħ ta’ ljun, O Ġuda,

inti ibni mill-priża tiela’.

Bħal iljun imkennen,

mimdud bħal mart l-iljun.

Min se jqajmek?

10Ix-xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex;

u l-ħatar minn bejn riġlejh,

sakemm iġibulu l-ħaraġ,

u minnu l-ġnus jisimgħu.

11Jorbot mad-dielja l-felu tiegħu,

u wild il-ħmara maż-żarġun.

Jaħsel fl-inbid ħwejġu, u lbiesu

f’demm il-għeneb.

12Bl-inbid ħomor għajnejh,

u snienu bojod bil-ħalib.

13Żebulun jgħammar f’xatt l-ibħra,

f’xatt l-iġfien jinsab,

b’ġenbu ma’ Sidon.

14Issakar ħmar imgħaddam,

mimdud qalb l-imqawel.

15Ra l-post tajjeb għall-mistrieħ,

u l-art sabiħa.

Għat-tagħbija niżżel spallejh,

u sar ilsir tax-xogħol bilfors.

16Dan jagħmel ħaqq minn niesu,

bħal wieħed mit-tribujiet ta’ Iżrael.

17Dan bħal serp fit-triq,

bħal lifgħa fil-mogħdija,

jigdem għarqub iż-żiemel,

u r-rikkieb jinqaleb lura.

18Ħelsienek nistenna, O Mulej.

19Gad, il-qtajja’ jaħbtu għalik,

imma int taħbat għal għarqubhom.

20Aser, ħobżu bnin,

u ħlewwiet is-slaten jagħti.

21Naftali għażżiela ħielsa,

li tagħti ġmiel ta’ frieħ.

22Ġużeppi fergħa ta’ siġra għammiela,

fergħa ta’ siġra għammiela ħdejn għajn,

il-friegħi jiżżarġnu fuq il-ħajt.

23Qamu għalih u waddbulu l-vleġeġ,

u ħarbtuh l-arċieri.

24Imma l-qaws tiegħu baqa’ sod,

u ħeffu dirgħajh u idejh,

bis-saħħa tal-Qawwi ta’ Ġakobb,

bl-isem tar-Ragħaj u l-Blata ta’ Iżrael.

25B’Alla ta’ missierek,

- jalla jgħinek,

b’Xaddaj,

- jalla jbierkek.

B’barkiet mill-għoli tas-smewwiet,

b’barkiet l-ilmijiet mifruxa taħt l-art,

b’barkiet is-sider u l-ġuf,

26b’barkiet tal-qmuħ u ż-żahar,

b’barkiet l-iġbla tal-qedem.

L-għaxqiet tal-għoljiet tal-qedem,

ħa jkunu fuq ras Ġużeppi,

fuq il-qorriegħa tal-magħżul fost ħutu.

27Benjamin lupu tal-ħatfa,

filgħodu jiekol il-qabda,

u filgħaxija jqassam il-priża.”

28Dawn huma t-tribujiet kollha ta’ Iżrael, tnax b’kollox, u dan hu l-kliem li qalilhom missierhom hu u jberikhom; u ’l kull wieħed bierku b’barka għalih.

Il-mewt ta’ Ġakobb

29Imbagħad widdibhom u qalilhom: “Jiena sa ninġabar ma’ niesi. Idfnuni ma’ missirijieti, fl-għar li hemm fl-għalqa ta’ Għefron il-Ħitti;

30fl-għar li hemm fl-għalqa ta’ Makfela biswit Mamri fl-art ta’ Kangħan, li Abraham kien xtara mingħand Għefron il-Ħitti, b’qabar tiegħu.Ġen 23,17.

31Hemm difnu lil Abraham u ’l Sara martu; hemm difnu lil Iżakk u ’l Rebekka martu, u hemmhekk jien dfint lil Lija.

32Mingħand ulied il-Ħittin inxtrat din l-għalqa bl-għar li hemm fiha.”

33Meta Ġakobb temm iwiddeb lil uliedu, ġabar riġlejh fil-friex, ta l-aħħar nifs, u nġabar ma’ niesu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help