SALMI 69 - Maltese Bible with DC

Salm 69Tnehid f’hemm kbir

1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “Il-Ġilji”. Ta’ David.

2Salvani, o Alla,

għax l-ilma laħaq sa griżmejja.

3Sibt ruħi mgħaddas f’ħama fond;

ma hemmx fejn inserraħ riġlejja.

Sibt ruħi f’ilma għoli;

il-mewġ qed ikaxkarni.

4Ma niflaħx ngħajjat iżjed,

griżmejja nħanqu;

tgħammxu għajnejja,

jien u nistenna ’l Alla tiegħi.

5Dawk li għal xejn jobogħduni

huma iżjed mix-xagħar ta’ rasi;

dawk li bil-gideb jixluni

huma b’saħħithom aktar minn għadmi;

ġagħluni rrodd dak li ma sraqtx.

6Int, o Alla, taf bil-bluha tiegħi;

ħtijieti mhumiex moħbija minnek.

7Ma jinfixilx minħabba fija min jittama fik,

Mulej tal-eżerċti;

ma jistħix minħabba fija min ifittex lilek,

Alla ta’ Iżrael.

8Għax minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir,

u l-mistħija tiksili wiċċi.

9Sirt barrani għal ħuti;

ulied ommi ma jagħrfunix.

10Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,

it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi.

11Għakkist bis-sawm lili nnifsi,

u swieli biss biex żebilħuni.

12L-ixkora li tfajt fuqi bi lbiesi

ġibdet fuqi t-tpaċpiċ tagħhom.

13Jgħidu fuqi bilqiegħda f’bieb il-belt;

jixorbu l-inbid u jgħannu fuqi.

14Imma jien lilek nitlob, Mulej;

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta’ tjubitek

u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.

15Aqlagħni mill-ħama u ma nibqax nieżel;

ħarisni minn min jobgħodni

u eħlisni mill-ilma fond.

16Tħallix iġorrni l-ilma,

jew jiblagħni d-dagħbien,

u jingħalaq fuqi l-bir!

17Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;

dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek.

18Taħbix wiċċek mill-qaddej tiegħek;

fittex weġibni, għax ninsab fil-hemm.

19Ersaq qrib lejja u ifdini;

eħlisni minħabba l-għedewwa tiegħi.

20Int taf bit-tkasbir u l-mistħija u l-għajb tiegħi;

quddiemek huma l-għedewwa kollha tiegħi.

21It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni;

fittixt min jagħdirni, u ma sibt ’il ħadd;

u min ifarraġni, u ma kelli ’l ħadd.

22Tawni b’ikel il-velenu;

sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

23Tkun il-mejda tagħhom xibka quddiemhom,

u sħabhom stess in-nassa tagħhom.

24Jiddallmu għajnejhom biex ma jarawx,

jirtogħdu f’ġenbejhom għal dejjem.

25Ixħet fuqhom il-qilla tiegħek;

jaħkimhom l-għadab imħeġġeġ tiegħek.

26Isiru ħerba l-għamajjar tagħhom;

ħadd ma jgħammar fl-għerejjex tagħhom.

27Lil min int sawwatt jagħmlu għalih,

u jxandru t-tbatija ta’ min inti lħaqt.

28Agħtihom kastig fuq ieħor;

ma jilħqux is-salvazzjoni tiegħek.

29Jitħassru mill-ktieb tal-ħajjin;

ma jinkitbux man-nies sewwa.

30Imma jiena msejken u batut;

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

31Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,

inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr.

32Dan jogħġob lill-Mulej aktar minn offerta ta’ gendus,

jew ta’ barri bil-qrun u dwiefer ħierġa.

33Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

34Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

35Ifaħħruh is-sema u l-art,

l-ibħra u kulma jitħarrek fihom.

36Għax Alla jsalva ’l Sijon,

u jibni l-bliet ta’ Ġuda;

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

37Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help