1Mosè laqqa’ l-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael u qalilhom: “Dawn huma l-kmandamenti tal-Mulej biex tħarsuhom.
2“Għal sitt ijiem taħdmu u s-seba’ jum ikun imqaddes għalikom; ikun mistrieħ kbir għall-Mulej. Kull min jaħdem f’dan il-jum jagħtuh il-mewt.
3Tkebbsux nar fi djarkom f’jum is-Sibt.”
Il-bini tat-tabernaklu4U Mosè kellem lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael u qalilhom: “Dan hu l-kmandament li l-Mulej Alla kkmandakom meta qal:Eż 25,1-9.
5Ħudu milli għandkom offerta lill-Mulej. Kull min jitħajjar jagħti minn qalbu ħa jġib l-offerti quddiem il-Mulej: deheb, fidda, u bronż;
6vjola, porpra u skarlatt; għażel fin; xagħar tal-mogħoż,
7ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u ġlud tad-denfil; injam tal-gażżi;
8żejt għall-imnariet, ħwawar għaż-żejt tal-konsagrazzjoni u għall-inċens ifuħ;
9ħaġar tal-oniċi u ħaġar għat-tqegħid fl-efod u l-pettoral.
10“Ħa jersqu n-nies kollha tas-sengħa li hemm fostkom u jagħmlu dak kollu li ordna l-Mulej:Eż 31,6-11.
11it-tabernaklu, it-tinda u l-għata tagħha, l-anelli u l-imqagħad tagħha;
12l-arka u l-lasti tagħha, l-għatu tagħha, u l-purtiera tal-velu;
13il-mejda u l-lasti, it-tagħmir kollu tagħha, u l-ħobż tal-preżenza;
14l-imnara għad-dawl u l-bċejjeċ tagħha, u l-imsiebaħ tagħha u ż-żejt għad-dawl;
15u l-artal tal-inċens u l-lasti tiegħu, iż-żejt tal-konsagrazzjoni u l-inċens ifuħ; u l-purtiera għall-bieb fi dħul it-tabernaklu;
16l-artal tas-sagrifiċċju u l-gradilja tal-bronż, il-lasti tiegħu u t-tagħmir kollu tiegħu, il-ħawt u l-maqgħad tiegħu.
17Id-drapp għall-bitħa, il-pilastri u l-imqagħad tagħhom, u l-purtiera għall-bieb tal-bitħa.
18Il-minċotti tat-tabernaklu u l-ganċijiet għall-bitħa u l-ħbula tagħhom;
19l-ilbies tas-servizz għas-servizz fil-post qaddis, l-ilbies sagru għal Aron, il-qassis, u l-ilbies għal uliedu għas-servizz tagħhom ta’ qassisin.
L-offerti għat-tabernaklu20U l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael telqu minn quddiem Mosè.
21Kull min ħass f’qalbu u tħajjar f’ruħu, ġieb offerta lill-Mulej biex issir it-tinda tal-laqgħa u l-ħwejjeġ għas-servizz u l-ilbies sagru.
22U ġew, irġiel u nisa, dawk kollha li tħajru jagħtu minn qalbhom u ġiebu labar u msielet u ċrieket u brazzuletti, u kull xorta ta’ oġġetti tad-deheb; u kulħadd għamel offerta tad-deheb lill-Mulej.Eż 25,3-7.
23Kull min imbagħad kellu vjola, jew porpra jew skarlatt, għażel fin, xagħar tal-mogħoż jew ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u ġlud tad-denfil, ġiebhom.
24Kull min seta’ joffri fidda jew bronż, ġiebhom bħala offerta quddiem il-Mulej; hekk ukoll kull min kellu injam tal-gażżi tajjeb għax-xogħol, ġiebu wkoll.
25U n-nisa li kellhom il-ħila għażlu b’idejhom u ġiebu ħjut tal-għażel; vjola, porpra u skarlatt, u għażel fin;
26u n-nisa kollha li moħħhom kien jagħtihom għażlu x-xagħar tal-mogħoż.
27U l-kbarat ġiebu ħaġar tal-oniċi u ħaġar għat-tqegħid fl-efod u l-pettoral;
28ħwawar u żejt għad-dawl u għaż-żejt tal-konsagrazzjoni u l-inċens ifuħ.
29L-irġiel u n-nisa kollha ta’ Iżrael, li tħajru jagħtu minn qalbhom għax-xogħol kollu li Alla kkmanda lil Mosè jagħmel, ġiebu l-offerta minn rajhom lill-Mulej.
In-nies tas-sengħa30U Mosè qal lill-poplu ta’ Iżrael: “Araw il-Mulej sejjaħ b’isimhom ’il Besalel bin Uri, bin Ħur, mit-tribù ta’ Ġuda,Eż 31,1-6.
31u mlieh bl-ispirtu ta’ Alla u bil-ħila, id-dehen, l-għerf, u s-sengħa
32biex ifassal u jaħdem fid-deheb u fil-fidda u fil-bronż;
33jonqox il-ħaġar għat-tqegħid u jaħdem l-injam u jagħmel kull xogħol ieħor tas-sengħa.
34Tah id-dehen, lilu u lil Oħolijab bin Aħisamak mit-tribù ta’ Dan, biex jgħallmu.
35Imliehom bil-ħila li jagħmlu kull xogħol ta’ nqix, u nsiġ u rakkmu bil-ħjut fil-vjola, porpra u skarlatt, u għażel fin, u nsiġ imżewwaq; nies ta’ ħila, kapaċi għal kull xorta ta’ xogħol u kull xorta ta’ tifsil.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.