ESDRA 6 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 6

1Imbagħad, fuq ordni tas-sultan Darju, fittxew fl-arkivji fejn jintrefgħu d-dokumenti fil-Babilonja.

2U sabu romblu f’Ekbatana, il-fortizza li hemm fil-provinċja tal-Medi; fih kien hemm miktub hekk:

“B’tifkira

3“Fl-ewwel sena tas-saltna tiegħu s-sultan Ċiru ħareġ proklama fuq it-tempju ta’ Alla f’Ġerusalemm:

‘It-tempju għandu jerġa’ jinbena bħala post fejn isiru sagrifiċċji u jinġiebu vittmi għall-ħruq. L-għoli tiegħu jkun sittin driegħ u l-wisa’ sittin driegħ

4bi tliet filati ġebel kbir u filata injam. L-ispejjeż tiegħu jitħallsu mit-teżor tas-sultan.

5Barra minn hekk, jingħataw lura l-oġġetti tad-deheb u tal-fidda tat-tempju ta’ Alla li Nabukodonosor kien ħareġ mit-tempju ta’ Ġerusalemm u ġarr miegħu lejn Babilonja. Dawn jittieħdu fit-tempju ta’ Ġerusalemm, u kull oġġett jitqiegħed lura f’postu. Għandkom tqiegħdu kollox fit-tempju ta’ Alla.’

6“Issa int, Tattenaj, gvernatur tal-inħawi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat, int, Setar-bożnaj, u sħabkom l-uffiċjali tal-inħawi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat: żommu ruħkom ’il bogħod minn hemm.

7Ħallu x-xogħol fuq dan it-tempju ta’ Alla jibqa’ miexi; ħallu l-gvernatur u l-kapijiet tal-Lhud jibnu dan it-tempju ta’ Alla fil-post li kellu qabel.

8U nordna b’digriet: Dan hu li għandkom tagħmlu għall-kapijiet tal-Lhud għall-bini ta’ dan it-tempju ta’ Alla: l-ispejjeż għandhom jitħallsu lil dawn in-nies bla waqfien mit-taxxi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat, li huma proprjetà tas-sultan.

9U dak kollu li hu meħtieġ għas-sagrifiċċji lil Alla tas-smewwiet - għoġiela, imtaten, ħrief, qamħ, melħ, inbid, u żejt - għandu jibqa’ jingħata lilhom bla waqfien minn jum għal ieħor skont ma jitolbu l-qassisin ta’ Ġerusalemm.

10Hekk, dawn joffru sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla tas-smewwiet, u jitolbu għas-sultan, u għal uliedu biex Alla jagħtihom ħajja twila.

11U nordna wkoll b’digriet li, jekk xi ħadd ibiddel din l-ordni għandhom idendluh ma’ arblu li jkunu qalgħu mid-dar tiegħu stess u jagħmlu miżbla minn daru.

12Jalla dak Alla li għażel dak il-post biex ismu jgħammar fih, jeqred lil kull sultan jew poplu li jerfa’ idejh u jbiddel jew jeqred dan it-tempju ta’ Alla f’Ġerusalemm. Jien, Darju, nordna dan b’digriet. Ħa jkun obdut kollu kemm hu.”

13Imbagħad Tattenaj, il-gvernatur tal-inħawi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat, Setar-bożnaj, u sħabhom, għamlu kulma kien bagħat jgħidilhom is-sultan Darju.

14Il-kapijiet tal-Lhud komplew jibnu u jmexxu x-xogħol ’il quddiem imħeġġin mill-profeta Ħaggaj u mill-profeta Żakkarija bin Għiddu. U lestew il-bini kif ordnalhom Alla ta’ Iżrael, u kif kienu ordnawlhom Ċiru, u Darju, u Artasersi, slaten tal-Persja.

15Dan it-tempju lestewh fit-tlieta tax-xahar ta’ Adar, fis-sitt sena tas-saltna tas-sultan Darju.

16U wlied Iżrael, il-qassisin, il-Leviti, u l-bqija ta’ dawk li kienu ġew lura mill-eżilju, kollhom ferħana għamlu l-festa tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju.

17U għall-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju offrew b’sagrifiċċju mitt gendus, mitejn muntun, erba’ mitt ħaruf; u għal dnubiet Iżrael kollu offrew tnax-il gidi skont kemm kienu t-tribujiet ta’ Iżrael.

18Imbagħad qassmu l-qassisin skont it-taqsimiet tagħhom u l-Leviti fil-ġemgħat tagħhom għas-servizz ta’ Alla f’Ġerusalemm, kif inhu miktub fil-Liġi ta’ Mosè.

Il-festa tal-Għid (515 QK)

19Dawk li ġew lura mill-eżilju għamlu l-festa tal-Għid fl-erbatax tal-ewwel xahar., li għenhom fil-bini tat-tempju ta’ Alla, Alla ta’ Iżrael.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help