BIN SIRAK 10 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 10It-treġija

1Prinċep għaref jgħallem lil niesu,

u l-għaqli jmexxi bl-ordni.

2Kif inhu mexxej il-poplu,

hekk ikunu l-ministri tiegħu;

u kif inhu l-gvernatur ta’ belt,

hekk dawk kollha li joqogħdu fiha.

3Sultan bla rażan iwassal ’il niesu għat-telfien,

u belt tinbena fuq l-għaqal tal-kapijiet.

4F’idejn il-Mulej hi s-setgħa fuq l-art,

u f’waqtu jqajjem fuqha l-bniedem siewi.

5F’idejn il-Mulej hu s-suċċess tal-bniedem,

u fuq wiċċ il-kittieb iqiegħed il-glorja tiegħu.Il-kburija

6Tagħdabx għall-ġar tiegħek għall-ebda għemil ħażin,

u tagħmel xejn meta inti mgħaddab.

7Il-kburija jistmerruha Alla u l-bniedem,

u l-inġustizzja jistkerrhuha t-tnejn.

8Saltna jgħadduha minn ġens għal ieħor

minħabba l-inġustizzja, il-kburija u l-għana.

9Għaliex jitkabbar min hu trab u rmied

la darba f’ħajtu ntemmu msarnu?

10Marda twila, tidħak bit-tabib:

illum sultan u għada jintemm.

11Meta bniedem imut jiret bhejjem jitkaxkru, annimali selvaġġi u dud.

12Il-bniedem jibda jitkabbar meta jwarrab mill-Mulej

u qalbu titbiegħed mill-Ħallieq tiegħu.

13Il-bidu tal-kburija hu d-dnub,

u min jinħakem minnha jistmerruh;

għalhekk il-Mulej kabbar il-kastigi fuqhom,

u qeridhom għalkollox.

14Il-Mulej tefa’ fl-art tronijiet il-kbarat,

u qiegħed iċ-ċkejknin bilqiegħda minflokhom.

15Il-Mulej qala’ l-ġnus mill-għeruq,

u minflokhom ħawwel l-umli.

16Il-Mulej ħarbat artijiet il-ġnus,

u qeridhom mis-sisien tal-art.

17Warrab ’il xi wħud minnhom u wassalhom għat-telfien,

u temm tifkirithom minn fuq l-art.

18Il-kburija mhijiex magħmula għan-nies;

lanqas l-għadab mill-qalb għall-imwelldin min-nisa.

Nies li jixirqilhom ġieħ

19Liema nisel hu mweġġaħ? Nisel il-bniedem.

Liema nisel hu mweġġaħ? Ta’ dawk li jibżgħu mill-Mulej.

Liema nisel hu bla ġieħ? Nisel il-bniedem.

Liema nisel hu bla ġieħ? Ta’ dawk li jiksru l-kmandamenti.

20Qalb l-aħwa għandu ġieħ il-mexxej tagħhom,

u f’għajnejn il-Mulej għandhom ġieħ ukoll dawk li jibżgħu minnu.

21Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu ta’ kull kisba,

u l-bidu ta’ kull ċaħda hu l-ebusija tar-ras.

22L-għani, il-bniedem ta’ ġieħ, u l-fqir:

il-ftaħir tagħhom hu l-biża’ tal-Mulej.

23Mhuwiex sewwa li wieħed jonqos mill-ġieħ lill-fqir għaqli,

u mhuwiex xieraq li wieħed jagħti ġieħ lill-bniedem midneb.

24Bniedem għoli, imħallef, u setgħan jingħatalu ġieħ,

imma ħadd minnhom mhu aqwa minn min jibża’ mill-Mulej.

25L-ilsir għaqli jaqduh nies ħielsa,

u raġel għaref ma jgemgimx.Is-sinċerità u l-umiltà

26Tilgħabhiex tal-għaref meta ttemm xogħlok,

u tintefaħx meta tkun fil-bżonn.

27Aħjar wieħed li jaħdem u għandu ż-żejjed f’kollox

minn wieħed li jdur mimli bih innifsu u m’għandux x’jiekol.

28Ibni, kun ġwejjed meta tfaħħar lilek innifsek,

u agħti ġieħ lilek innifsek skont ma tiswa.

29Lil min jagħti tort lilu nnifsu min se jagħtih raġun?

U min se jġib rispett lil min ikasbar lilu nnifsu?

30Fqir hu mweġġaħ minħabba dak li jaf,

u għani hu mweġġaħ minħabba ġidu.

31Min hu mweġġaħ fil-faqar, kemm iktar fl-għana!

U min hu bla ġieħ fl-għana, kemm inqas fil-faqar!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help