ISAIJA 65 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 65Il-kastig tal-midinbin idolatri

1Kont lest li jsibuni

dawk li ma staqsewx għalija.

Kont lest li jsibuni

dawk li ma fittxewnix.

Jiena għedt: “Hawn jien! Hawn jien!”

lil poplu li b’ismi ma sejjaħlix.

2Il-jum kollu ftaħt idejja

lil poplu mxewwex u rasu iebsa;

imxew fi triq mhux tajba,

skont kapriċċihom.

3Poplu dejjem lest biex jinbixni f’wiċċi:

joffru s-sagrifiċċji fil-ġonna,

u jaħarqu l-inċens fuq ix-xaqquf.

4Imorru joqogħdu fl-oqbra,

u jgħaddu l-lejl fil-moħbi.

Jieklu laħam il-ħanżir,

u brodu mniġġes fil-borom tagħhom.

5Imbagħad jgħidulek:

“Oqgħod għalik! La tersaqx lejja,

għax jien għalik qaddis.”

Dawn il-ħwejjeġ duħħan f’imnifsejja,

nar imkebbes il-jum kollu.

6Araw, dan kollu miktub quddiemi:

“Ma niskotx, jien inħallas,

u nħallashom f’ħoġorhom,

7għal ħżunithom u ħżunit missirijiethom,

jgħid il-Mulej.

Ħarqu l-inċens fuq il-muntanji

u żebilħuni fuq l-għoljiet.

Għalhekk jien inkejjel ħlashom,

u f’ħoġorhom irroddhulhom.”

8Dan jgħid il-Mulej:

“Bħalma wieħed isib l-inbid f’għanqud,

u jgħid: ‘La teqirdux, hemm il-barka fih’,

hekk nagħmel jiena minħabba l-qaddejja tiegħi,

biex ma neqridhomx ilkoll.”

9Jien noħroġ nisel minn Ġakobb,

u minn Ġuda werriet tal-muntanji tiegħi.

Jirtuhom il-maħturin tiegħi,

u l-qaddejja tiegħi jgħammru hemm.

10U jkun Saron mergħa għall-imrieħel,

u l-wied ta’ Għakor mistrieħ għall-baqar,

għall-poplu tiegħi li jfittixni.

11Imma intom li tlaqtu lill-Mulej,

li nsejtu l-għolja mqaddsa tiegħi,

li lestejtu mejda għal Gad,

u mlejtu l-inbid għal Meni,

12jien għax-xabla kkundannajtkom,

u lkoll kemm intom tmilu għall-qatla.

Għax jien sejjaħtilkom,

u intom ma weġibtux;

tkellimt, u ma smajtux.

Għamiltu l-ħażin f’għajnejja,

u għażiltu dak li ma jogħġobnix.”

13Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:

“Araw, il-qaddejja tiegħi jieklu,

imma intom tkunu bil-ġuħ;

14araw, il-qaddejja tiegħi jixorbu,

imma intom tkunu bil-għatx;

araw, il-qaddejja tiegħi jifirħu,

imma intom tistħu;

araw, il-qaddejja tiegħi jgħannu bl-hena ta’ qalbhom,

imma intom tgħajtu bin-niket ta’ qalbkom,

u tixhru bid-diqa ta’ ruħkom.

15“L-isem li tħallu jisħtu bih il-magħżulin tiegħi

‘Ħa joqtlok Sidi l-Mulej.’

Imma l-qaddejja tiegħi b’isem ieħor jissejħu.

16Min jitbierek fuq l-art, jitbierek b’Alla tal-verità,

u b’Alla tas-sewwa jaħlef min jaħlef fuq l-art,

għax it-taħbit ta’ qabel għadda,

u għab minn quddiemi.

Ħolqien ġdid

17Għax, arani, se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida.

Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi,

f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.

18Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem,

minħabba f’dak li għad noħloq jien.

Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-hena,

il-poplu tagħna għall-ferħ.

19Jien nifraħ b’Ġerusalemm u nitgħaxxaq bil-poplu tiegħi,

ma jinstemax aktar fiha leħen il-biki, lanqas leħen in-niket.

20Ma jkunx hemm iżjed fiha tarbija li tgħix ftit jiem,

lanqas xiħ li ma jimteliex bl-għomor.

Għax iż-żagħżugħ imut ta’ mitt sena,

u ta’ mitt sena jkun il-midneb meta jieħu l-kastig.

21Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom,

iħawlu d-dwieli u jieklu frotthom.

22Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor,

u ma jħawlux biex jiekol ħaddieħor;

għax il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-siġar,

u l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom.

23Ma jitħabtux għal xejn

u ma jildux tfal biex jinqerdu ħesrem,

għax ikunu nisel imbierek mill-Mulej,

u hekk ukoll uliedhom.

24Qabel ma jsejħuli, inwieġeb;

nismagħhom, meta għadhom ikellmuni.

25Il-lupu u l-ħaruf jirgħu flimkien,

l-iljun, bħall-barri, jiekol it-tiben,

u t-trab ikun ikel is-serp.

Ma jagħmlux deni u lanqas ħsara

fuq l-għolja mqaddsa tiegħi kollha,

jgħid il-Mulej.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help