1Ulied Iżrael, isimgħu din il-kelma,
li l-Mulej qal kontrikom,
u kontra t-tribujiet kollha,
li jien tellajt minn art l-Eġittu.
Huwa qal,
2“Mir-razez kollha tal-art
ma ridt naf b’ħadd ħliefkom;
għalhekk se nikkastigakom
minħabba l-ħażen kollu tagħkom.
3Forsi tnejn min-nies
se jimxu flimkien jekk ma jiftehmux?
4L-iljun se jriegħed fil-foresta
jekk ma jsibx il-priża?
Il-ferħ tal-ljun
se jsamma’ leħnu fl-għar tiegħu
jekk ma jkun qabad xejn?
5L-għasfur se jaqa’ f’wiċċ l-art,
jekk ma jkunx hemm ix-xbiek?
Se jinqaleb il-mansab mal-art,
jekk ma jkunx hemm x’jaqbad?
6Forsi tindaqq it-tromba fil-belt
u l-poplu ma jibżax?
Se tiġri xi ħsara f’belt,
jekk ma jkunx għamilha l-Mulej?
7Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej,
jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu
lill-qaddejja tiegħu l-profeti.
8L-iljun jgħajjat: min ma jibżax?
Sidi l-Mulej jitkellem: min ma jħabbarx?”Id-dnubiet ta’ Samarija
9Ħabbru fil-fortizzi tal-Assirja,
u fil-palazzi tal-art tal-Eġittu,
u għidu:
“Inġabru fuq il-muntanji ta’ Samarija u araw:
it-taħwid kbir li hemm ġo fiha,
il-moħqrijiet f’nofsha.
10Jagħmlu s-sewwa ma jafux,
oraklu tal-Mulej,
nies li jrekknu l-vjolenza u s-serq
fil-palazzi tagħhom.”
11Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
“L-għadu għad idawwarlek artek,
ineżżgħek minn qawwietek,
u jisraqlek il-palazzi tiegħek.”
12Dan jgħid il-Mulej:
“Bħalma r-ragħaj jaħtaf minn ħalq l-iljun
xi żewġ saqajn jew xi biċċa widna tan-nagħaġ tiegħu,
daqshekk jeħilsu minn ulied Iżrael
minn dawk li jgħammru f’Samarija,
li jixxaħxħu fl-irkejjen tad-divani,
u s-sufanijiet ta’ Damasku.”
13“Isimgħu u ixhdu kontra dar Ġakobb,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej, Alla tal-eżerċti:
14Dakinhar li nikkastiga ’l Iżrael għal dnubietu,
nikkastiga wkoll l-artali ta’ Betel,
jitqaċċtu l-qrun tal-artal tagħha,
u jiġġarrfu fl-art.
15Naħbat għad-dar tax-xitwa
u għad-dar tas-sajf;
u jiġġarrfu l-palazzi tal-avorju,
u jispiċċaw id-djar il-kbar,”
oraklu tal-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.