1Dawn ukoll proverbji ta’ Salamun,
miġbura min-nies ta’ Ħeżekija, sultan ta’ Ġuda.
2Hu ġieħ għal Alla li ħaġa jaħbiha;
imma ġieħ għas-slaten li jikxfuha.
3Għolja s-smewwiet u fond qiegħ l-art,
u qalb is-slaten ma titkejjilx.
4Saffi mill-ħmieġ il-fidda,
u tkun tajba għal min jaħdimha;
5neħħi l-ħżiena minn quddiem is-sultan,
u jitwettaq bil-ġustizzja t-tron tiegħu.
6Tersaqx ’il quddiem lejn is-sultan,
toqgħodx fejn joqogħdu l-kbarat;
7għax aħjar jgħidulek: “Itla’ ’l fuq”,
milli jniżżluk ’l isfel quddiem il-kbarat.
Dak li tkun rajt
8ixxandrux malajr quddiem kulħadd,
għax x’tagħmel imbagħad,
meta fl-aħħar għajrek iħammarlek wiċċek?
9Il-kawża tiegħek aqtagħha ma’ għajrek,
imma tikxifx dak li taf fuq ħaddieħor,
10li ma jmurx jgħajrek min jisimgħek,
u t-tebgħa kerha ma tmurx minn fuqek.
11Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda,
hi l-kelma li tingħad f’waqtha.
12Bħal misluta tad-deheb u bħal kullana tad-deheb,
hi t-twissija tal-għaref għal min jismagħha.
13Bħall-frisk tas-silġ fi żmien il-ħsad,
hu l-qaddej fidil għal min jibagħtu;
u hu qalb sidu jserraħ.
14Bħas-sħab u r-riħ bla xita,
hu min jiftaħar li jagħti u ma jagħti qatt.
15Lil min hu kbir bis-sabar tfiehmu,
bil-kelma t-tajba tkisser l-għadam.
16Jekk issib l-għasel, kul kemm teħtieġ;
tikolx iż-żejjed għax ikollok taqilgħu.
17Toqgħodx ġej u sejjer f’dar ġarek,
għax iddejqu u jixba’ minnek.
18Bħal mazza jew sejf jew vleġġa misnuna,
min jixhed ħażin kontra sieħbu.
19Bħal sinna mħassra u sieq imfekka,
min jitma fi bniedem ħajjen fi żmien l-inkwiet.
20Bħal ħall fuq ġerħa
min joqgħod jgħanni lill-qalb muġugħa.
21Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu;
jekk inhu bil-għatx, isqih;
22hekk tiġmagħlu l-ġamar fuq rasu,
u jkun il-Mulej li jroddlok.
23Kif ir-riħ fuq iġib ix-xita,
hekk l-ilsien li jqassas iġib il-ħars bl-ikrah.
24Aħjar tgħix f’rokna fuq bejt,
milli f’dar kbira ma’ mara ġellieda.
25Bħall-ilma frisk għal min hu bil-għatx,
hekk hi aħbar tajba minn art imbiegħda.
26Bħal nixxiegħa mdardra u għajn imniġġsa,
hu l-ġust li jaqa’ quddiem min hu ħażin.
27Mhux tajjeb tiekol ħafna għasel;
hekk ukoll min ifittex ġieħ fuq ieħor.
28Bħal belt miftuħa u bla ħitan,
hekk hu l-bniedem li ma jitrażżanx.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.