1Qegħduk f’ras il-mejda? Tintefaħx!
Kun magħhom bħallikieku wieħed minnhom;
aħseb fihom u wara oqgħod bilqiegħda.
2U meta tkun ħsibt għal kollox inxteħet bilqiegħda,
ħa tifraħ magħhom,
u għall-imġiba tajba tiegħek tikseb kuruna.
3Tkellem, int li int ixjeħ, għax jixraqlek;
imma tkellem bl-għaqal u twaqqafx id-daqq.
4Fejn hemm ix-xalar, tintilifx fil-kliem;
u toqgħodx tilgħabha tal-għaref barra minn ħinu.
5Bħal siġill b’rubin ingastat fid-deheb,
hekk hu kunċert tal-mużika waqt xi festa tal-inbid.
6Bħal siġill bi żmerald tad-deheb,
hekk hu d-daqq tal-mużika ma’ nbid ħelu.
7Tkellem, żagħżugħ, jekk għandhom bżonnok,
l-aktar darbtejn jekk tkun mitlub.
8Tkellem fil-qosor, u għid ħafna fi ftit kliem,
kun bħal wieħed li jaf imma fl-istess ħin iżomm is-skiet.
9Fost il-kbarat toqgħodx tintrefa’,
u toqgħodx tpaċpaċ waqt li ħaddieħor ikun jitkellem.
10Qabel ir-ragħda tasal ħafifa l-berqa,
qabel il-modestja tiġi l-grazzja.
11Qum meta jkun sar il-ħin u tkunx l-aħħar wieħed,
iġri lura lejn darek bla tnikkir.
12Hemmhekk ixxala u agħmel dak li għandek f’rasek,
u tidnibx bi kliem kburi.
13U ta’ dan bierek ’il min ħalqek,
u qed ixebbgħek bil-ġid tiegħu.Il-biża’ ta’ Alla
14Min jibża’ mill-Mulej jilqa’ twiddibu,
u dawk li jbakkru biex ifittxuh isibu r-rieda tajba tiegħu.
15Min ifittex il-Liġi, jimtela biha,
imma min juri wiċċ b’ieħor jitfixkel fiha.
16Dawk li jibżgħu mill-Mulej isirilhom il-ħaqq,
u l-għemejjel tajba tagħhom jiddu bħad-dawl.
17Bniedem midneb ċanfira ma jagħtix kasha,
u jgħawweġ il-Liġi skont kapriċċih.
18Bniedem bis-sens ma jwarrab ebda ħsieb;
imma l-insolenti u l-imkabbar ma jċedix bil-biża’.
19Tagħmel xejn mingħajr ħsieb,
u mbagħad ma jkollokx għalfejn jisgħob bik.
20Timxix fi triq kollha tfixkil,
u ma titfixkilx darbtejn fiż-żrar.
21M’għandux ikollok fiduċja żejda fi triq watja,
22u oqgħod għassa għal mogħdijietek.
23Oqgħod għassa fuqek innifsek f’kulma tagħmel,
għax dan hu l-ħarsien tal-kmandamenti.
24Min joqgħod għal-Liġi jagħti kas tal-kmandamenti,
u min jafda fil-Mulej ma jitlef xejn.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.