1Kien il-qassis il-kbir Xmun bin Onija,
li tul ħajtu sewwa t-tempju,
u f’jiemu saħħaħ is-santwarju.
2Hu qiegħed is-sisien tal-ħajt għoli u dobblu,
l-ilqugħ għolja li jdawru t-tempju.
3F’jiemu tħaffret ġiebja għall-ilma,
vaska kbira fid-dawra tagħha qisha baħar.
4Ħaseb biex isalva l-poplu tiegħu mill-waqgħa
u saħħaħ il-belt biex tilqa’ għal assedju.
5Kemm kien ikun imsebbaħ bil-poplu madwaru,
meta kien joħroġ mis-santwarju minn wara l-purtiera!
6Bħall-kewkba ta’ filgħodu qalb is-sħab,
bħall-qamar fil-jiem meta jkun mimli;
7bħax-xemx tiddi fuq it-tempju tal-għoli,
u bħall-qawsalla tilma fi sħab jiddi;
8bħal ward fil-jiem tar-rebbiegħa,
bħal ġilji ħdejn nixxiegħa ilma,
bħal żarġuna ta’ inċens fiċ-ċensier;
9bħal nar u inċens fiċ-ċensier;
bħal oġġett tad-deheb battut
imżejjen b’kull xorta ta’ ħaġar prezzjuż;
10bħal siġra taż-żebbuġ li ħarġet il-frott,
u bħal siġra taċ-ċipress għolja sas-sħab.
11Meta kien jitfa’ fuqu l-ilbies tal-glorja,
u kien ikun imlibbes sabiħ għall-aħħar,
meta kien jitla’ l-artal imqaddes,
u kien jimla bil-glorja l-bitħa tat-tempju,
12meta kien jilqa’ l-ishma minn idejn il-qassisin,
wieqaf maġenb il-qiegħa tan-nar tal-artal,
b’ħutu madwaru bħal kuruna,
kien ikun qisu ċedru żgħir tal-Libanu,
u huma madwaru bħalkieku siġar tal-palm;
13meta wlied Aron kollha fil-glorja tagħhom,
bl-offerti tal-Mulej f’idejhom,
weqfin quddiem il-ġemgħa kollha ta’ Iżrael,
14hu u jtemm ir-rit tal-liturġija fuq l-artal,
u kien iħejji bl-ordni l-offerta tal-Għoli li jista’ kollox;
15kien imidd idejh lejn il-bieqja,
u jferragħ minnha meraq tal-għeneb,
kien isawbu man-naħa t’isfel tal-artal;
riħa tfuħ lill-Ogħla, is-sultan ta’ kulħadd;
16imbagħad ulied Aron kienu jgħajtu,
u kienu jdoqqu trumbetti tal-metall battut,
u kienu jagħmlu ħoss kbir li jinstama’ minn kullimkien,
b’tifkira quddiem Alla l-Għoli;
17imbagħad il-poplu kollu f’daqqa
fil-pront jinżel wiċċu mal-art biex jagħti
qima lill-Mulej tiegħu,
lil dak li jista’ kollox, Alla l-Għoli;
18u l-għannejja kienu jgħannu għanjiet ta’ tifħir,
b’leħenhom jidwi f’melodija,
19u l-poplu kien jagħmel talb lill-Mulej, lill-Għoli,
kien jitlob quddiem Dak li hu ħanin,
sa ma jasal fi tmiemu l-ordni taċ-ċelebrazzjoni,
u kienu jtemmu r-rit tal-liturġija;
20imbagħad hu u nieżel Xmun kien jgħolli jdejh
fuq il-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael
biex minn fommu jagħtihom il-barka tal-Mulej,
imkabbar b’isem il-Mulej;
21u n-nies kienet tinżel tagħti qima għat-tieni darba
biex tilqa’ l-barka mingħand l-Għoli.
Twissija22U issa bierku lil Alla tal-ħolqien kollu,
li ħwejjeġ tal-għaġeb jagħmel ma’ kullimkien,
li minn ġuf ommna jgħollilna jiemna,
u li jimxi magħna skont ħnientu.
23Jalla jagħtina hena tal-qalb,
u li jkollna s-sliem fi żmienna,
f’Iżrael, bħalma kellna fl-imgħoddi.
24Ħa juri magħna l-ħniena u l-fedeltà
tiegħu, u jifdina fi żmienna.
Qawl numeriku25B’żewġt iġnus hi mxabba’ ruħi,
u t-tielet wieħed mhu ġens xejn:
26dawk li joqogħdu fuq l-għolja ta’ Xegħir u l-Filistin,
u l-poplu iblah li joqgħod f’Sikem.Għeluq
27Tagħlim ta’ dehen u għerf
jien ktibt f’dan il-ktieb,
Ġożwè bin Sirak, bin Elgħażar, ta’ Ġerusalemm,
li sawwab għerfu minn qalbu.
28Hieni min jedha b’dawn il-ħwejjeġ,
u għaref hu min idaħħalhom f’qalbu!
29Jekk jagħmilhom, ikun jiflaħ għal kollox,
għax dawl il-Mulej ikun il-mogħdija tiegħu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.