1Ibagħtu l-ħrief lil sid l-art,
minn Sela, mix-xagħra, lejn l-għolja ta’ Sijon!
2U jkunu bħal għasafar maħruba,
bħal bejta mtajra,
il-bniet ta’ Mowab,
huma u jaqsmu l-Arnon.
3“Agħtina parir, ħu deċiżjoni!
agħmel dellek f’nofsinhar bħal-lejl,
aħbi lill-mitlufin,
tikxifx il-maħrubin!”
4Ħa jgħammru miegħek il-maħrubin ta’ Mowab,
kun kenn għalihom minn quddiem il-qerried;
għax kif jintemm it-tirann,
u tgħib il-qerda,
u jintemm il-qerried mill-art,
5jitwaqqaf fuq it-tjieba u s-sewwa t-tron,
u joqgħod fuqu fis-sod,
fit-tinda ta’ David,
imħallef li jfittex id-dritt,
u ħafif biex jagħmel il-ġustizzja.
6Smajna bis-suppervja ta’ Mowab, imkabbar għall-aħħar;
smajna bi tkabbiru, bi ftaħiru, b’qilltu
u bit-tpaċpiċ vojt tiegħu.
7Għalhekk jixher Mowab għal Mowab;
jixhru lkoll għal Mowab,
jitniehdu mnikkta għall-ftajjar taż-żbib ta’ Kir-ħareset.
8Għax ir-raba’ ta’ Ħesbon mejjet,
id-dielja ta’ Xibna sidien il-ġnus għaffġuha,
u ż-żraġen tagħha kienu jilħqu sa Ġagħżer, u jaslu sad-deżert;
u l-friegħi tagħha kienu nfirxu u xterdu ’l hinn mill-baħar.
9Għalhekk jien nibki, bħalma tibki Ġagħżer,
id-dielja ta’ Xibna.
Bi dmugħi nsaqqikom, ’il Ħesbon u ’l Elgħali.
Għax fuq l-għelejjel u fuq il-ħsad tiegħek,
waqgħet l-għajta tal-gwerra.
10Għabu l-ferħ u l-hena mill-ġonna,
fl-oqsma tad-dwieli m’hemmx aktar għana,
u iżjed ma jgħajtux bil-ferħ.
Fl-imgħasar ma jagħsarx l-għassar l-inbid;
l-għajta siktet tal-għasir.
11Għalhekk ġewwenija bħal arpa jokorbu għal Mowab,
u qalbi għal Kir-ħeres.
12U Mowab għad jidher u għad tinkedd fuq l-għoljiet,
u jidħol jitlob fil-maqdes tagħha, ma jiswielu xejn.
13Dan hu kliem il-Mulej, li darba qal għal Mowab.
14Imma issa l-Mulej qal: “Fi tliet snin, magħdudin bħal
tliet snin tal-ħaddiem mikri, il-glorja ta’ Mowab
bil-kotra kollha tiegħu jżebilħuha u ma jibqax minnu ħlief
fdal żgħir ħafna u bla fejda.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.