LUQA Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebTeofilu qed jirċievi l-Aħbar it-Tajba kif studjata minn Luqa, l-evanġelista li jiffoka fuq il-qawwa tal-Ispirtu Qaddis li bih Ġesù hu kkonsagrat. Minsuġ fil-ġrajjiet irrakkontati f’dan l-evanġelju hemm it-tema tat-taqbida bejn l-Ispirtu ta’ Alla u l-ispirtu tal-ħażen li kontinwament jattakka lil Kristu. It-trijonf finali hu tal-Ispirtu s-Santu li permezz tiegħu d-dnub u l-mewt jitilfu n-niggieża tagħhom.Alla jħobb lil kulħadd. Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lill-bnedmin kollha. Kull min hu batut isib ir-refuġju fil-Messija li b’imħabbtu jagħti l-ħajja. Stejjer li jispikkaw fihom l-imħabba u l-ħniena, insibuhom biss f’dan l-evanġelju. Ngħidu aħna l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, tan-nagħġa l-mitlufa, tal-iben li jerġa’ jinstab. Il-ħalliel mislub ma’ Ġesù, u Żakkew il-Pubblikan, it-tnejn isibu l-maħfra u s-sliem fil-ħniena bla tarf tal-Mibgħut li ġie jniedi s-sena tal-grazzja kif ħabbar Isaija l-Profeta.Il-ftit li nafu dwar it-tfulija ta’ Ġesù, nafuh minn dan l-evanġelju. It-tħabbira tat-tnissil u t-twelid ta’ Ġesù nsibuhom f’aspett differenti f’Mattew ukoll. Karatteristika partikolari ta’ dan il-ktieb hi n-nota ta’ ferħ li tispikka bħala l-konsegwenza tal-preżenza tas-Salvatur. Ġesù hu l-ħellies mhux biss għax ifejjaq mill-mard fiżiku, imma fuq kollox għaliex l-ewwel fejqan hu dak tal-maħfra tad-dnubiet.F’Luqa joħroġ b’mod l-aktar konkret il-post tal-mara fil-ministeru ta’ Ġesù. Dan hu sinifikanti ħafna minħabba fis-soċjetà paternalistika ta’ żmien Ġesù. L-aħbar tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù tirċiviha u twassalha qabel kulħadd mara.Luqa jisħaq ħafna fuq it-talb. Juri lil Ġesù jitwarrab waħdu biex jitlob diversi drabi, speċjalment f’mumenti importanti fil-missjoni tiegħu. Insibu wkoll lil Ġesù li jgħallem fuq l-importanza tat-talb fil-ħajja ta’ min jemmen.Imbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu (18,1).It-taqsim tal-ktiebDaħla (1,1-4)Twelid u tfulija ta’ Ġwanni l-Battista u ta’ Ġesù (1,5—2,52)Il-ħidma ta’ Ġwanni l-Battista (3,1-20)Il-magħmudija u t-tentazzjonijiet ta’ Ġesù (3,21—4,13)Il-ħidma pubblika ta’ Ġesù fil-Galilija (4,14—9,50)Mill-Galilija għal Ġerusalemm (9,51—19,27)L-aħħar ġimgħa qrib u f’Ġerusalemm (19,28—23,56)Il-qawmien mill-mewt, id-dehriet u t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù (24,1-53)