1Salm ta’ David.
Mulej, isma’ t-talba tiegħi,
agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;
weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.
2Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek,
għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.
3Għax l-għadu għamel għalija,
mal-art tefagħni taħt riġlejh;
fid-dlam xeħetni ngħammar,
bħal min imut għal dejjem,
4ruħi tinfena minn ġewwa,
qalbi titniehed ġewwa fija.
5Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi,
naħseb f’kulma int għamilt,
għemil idejk dejjem fi ħsiebi.
6Lejk immidd idejja,
ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.
7Fittex weġibni, Mulej!
Ruħi tinsab bla saħħa.
La taħbix wiċċek minni,
li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.
8Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek,
għax fik jien nittama.
Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi,
għax lejk jien nerfa’ ruħi.
9Eħlisni mill-għedewwa, Mulej,
għax inti l-kenn tiegħi.
10Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,
għax int Alla tiegħi.
L-ispirtu tajjeb tiegħek
imexxini fuq art watja.
11F’ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja,
oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.
12Fit-tjieba tiegħek xejjen l-għedewwa tiegħi,
eqred ’il dawk kollha li huma kontrija;
għax jiena l-qaddej tiegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.