ISAIJA 34 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 34L-għadab ta’ Alla kontra l-ġnus

1Ersqu, ġnus, ħa tisimgħu,

u intom, popli, agħtu widen!

Ħa tisma’ l-art u kulma fiha,

id-dinja u kulma trodd.

2Għax il-Mulej mgħaddab għall-ġnus kollha,

u s-saħna tiegħu fuq l-eżerċti kollha tagħhom.

Qatagħha li lkoll jeqridhom,

u jerħihom għall-qatla.

3Il-maqtula tagħhom jintremew,

u titla’ l-intiena minn ġisimhom.

Iċarċru b’demmhom il-muntanji.

4Il-qtajjiet tas-smewwiet jinħallu,

u s-smewwiet bħal ktieb jitkebbu.

Il-qtajjiet tagħhom jaqgħu,

bħalma jaqa’ l-weraq midbiel mid-dielja

u l-frott misjur mit-tina.

5Għax fis-smewwiet sikret ix-xabla tiegħi,

u għad tinżel fuq Edom,

fuq poplu mitluq għall-qerda,

biex minnu tagħmel ħaqq.

6Ix-xabla tal-Mulej tħammar bid-demm,

tqattar bix-xaħam,

bid-demm tal-ħrief u l-bdabad,

bix-xaħam tal-kliewi tal-imtaten.

Għax ikollu l-Mulej sagrifiċċju f’Bosra,

qatla kbira f’Edom.

7Jaqgħu l-bufli mal-għoġiela smien,

il-gniedes mal-barrin.

Arthom tisker bid-demm,

u trabhom bix-xaħam isir tajn.

8Għax hu jum il-vendetta tal-Mulej,

is-sena tal-ħlas għall-għadu ta’ Sijon.

9Il-widien tiegħu jinbidlu f’qatran.

U trabu f’kubrit.

U artu ssir qatran

10iħeġġeġ lejl u nhar.

Qatt ma tintefa,

id-dħaħen minnha dejjem telgħin.

Tkun ħerba għal dejjem minn żmien għal żmien;

qatt iżjed ma jgħaddu minnha.

11Jirtuha l-pellikan u l-qanfud,

fiha jgħammru l-kokka u ċ-ċawlun.

Il-Mulej jifrex fuqha l-ħabel tal-vojt,

u ċ-ċomb tal-baħħ.

12In-nobbli tagħha ma jkunux aktar,

u slaten aktar ma jipproklamawx,

u prinċpijiet jiġu fix-xejn.

13Fil-palazzi tagħha jinbet ix-xewk;

għollieq u ħurrieq fil-fortizzi tagħha.

Issir kenn għax-xakalli,

u bitħa għan-ngħam.

14Jiltaqgħu hemm il-jena u l-klieb tax-xagħri;

u l-mogħoż selvaġġi jsejħu lil xulxin;

hemm ukoll toqgħod il-kokka tad-deżert,

u ssib il-mistrieħ tagħha.

15Hemm ibejjet is-serp u jbid,

isaħħan u jfaqqas il-bajd.

Hemm ukoll jiltaqgħu l-isqra,

is-sieħeb mas-sieħba tiegħu.

16Fittxu fil-ktieb tal-Mulej u aqraw:

“Ma tonqos ebda waħda minnhom

l-ebda waħda ma titlef lil seħibha.

Għax fommi kkmanda dan.”

L-ispirtu tiegħu li ġabarhom;

17hu li xeħet xortihom,

u idu qassmitilhom l-art bil-ħabel.

Tkun wirthom għal dejjem,

minn ġenerazzjoni għal oħra jgħammru fiha.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help