PROVERBJI 6 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 6La tintrabatx

1Ibni, jekk għamilt tajjeb għal ħaddieħor,

jekk tajt rahan għal min hu barrani,

2jekk inqbadt bi kliem fommok,

u tħabbilt b’xi wegħda li għamilt;

3agħmel dan, ibni, biex issalva,

għax int waqajt f’idejn ħaddieħor;

mur malajr, u ffittah,

4tagħtix mistrieħ lil għajnejk,

lanqas irqad lil xfar għajnejk.

5Eħles bħal għażżiela mix-xibka,

bħal għasfur minn id in-nassab.

La titgħażżinx

6Mur għand in-nemla, ja għażżien,

ara kif tgħix, u tgħallem minnha.

7M’għandhiex min hu fuqha,

la għassies u lanqas ħakem;

8madankollu taħżen ikilha fis-sajf,

tħejji għajxienha fi żmien il-ħsad.

9Kemm se ddum rieqed, ja għażżien?

Meta se tqum minn ngħasek?

10Daqqa torqod, daqqa tongħos,

daqqa tistrieħ b’idejk marbuta,

11u jiġi fuqek bħal ħalliel il-faqar,

u bħal wieħed ġellied l-għaks.

La taqlax ġlied

12Bniedem brikkun, min hu ħażin,

jimxi bit-tagħwiġ ta’ kliemu:

13jegħmeż għajnejh, iħabbat riġlejh,

jagħmel sinjali b’subgħajh,

14moħħu kif se jagħmel il-ħsara,

il-ħin kollu jaqla’ l-ġlied.

15Għalhekk għal għarrieda tiġi fuqu l-ħsara,

f’daqqa waħda jinqered u ma jqumx iżjed.

X’jobgħod Alla

16Sitt ħwejjeġ jobgħod il-Mulej,

sebgħa huma li ma jaħmilhomx:

17għajnejn merfugħa, ilsien giddieb,

idejn li jxerrdu demm bla ħtija,

18qalb li trawwem ħsibijiet qarrieqa,

riġlejn li jiġru ħfief għall-ħażen,

19fomm li jixhed bil-qerq il-gideb,

u bniedem li jaqla’ l-ġlied bejn l-aħwa.

Aħrab il-mara żienja

20Ħares, ibni, ordnijiet missierek,

u twarrbux tagħlim ommok.

21Żommhom dejjem marbutin ma’ qalbek,

dendilhom madwar għonqok.

22Huma jmexxuk fil-mixi tiegħek,

iħarsuk meta tkun rieqed,

ikellmuk meta tqum.

23Għax l-ordni musbieħ u l-liġi dawl,

u t-twiddib tat-tagħlim hu t-triq tal-ħajja.

24Huma jħarsuk minn mart ħaddieħor,

mill-kliem ħelu tal-mara mitlufa.

25Tixxennaqx f’qalbek għal sbuħitha,

tħallihiex taqbdek b’ħarset għajnejha.

26Għax mara żienja b’biċċa ħobż tixtriha,

iżda mara miżżewġa tiswielek ħajtek.

27Jista’ xi ħadd iġorr in-nar f’ħobbu,

u ħwejġu ma jinħarqulux?

28Jista’ xi ħadd jimxi fuq il-ġamar,

u saqajh ma jinxtwewlux?

29Hekk jiġrilu min imur għand mart ħaddieħor;

kull min jersaq lejha jpattiha qares.

30Mhux kulħadd jistmell il-ħalliel,

li jisraq biex jixba’ għax ikun bil-ġuħ?

31Jekk jinqabad, għal seba’ darbiet iħallas,

ikollu jagħti l-ġid kollu ta’ daru.

32Hekk min jiżni hu bniedem bla moħħ,

jeqred lilu nnifsu min jagħmel hekk.

33Swat u mistħija jkollu,

u l-għajb tiegħu ma jitħassar qatt;

34għax l-għira tgħaddab lil żewġha,

li ma jaħfirhilux meta tiġih is-siegħa;

35ma jilqa’ ebda tpattija;

ebda ħlas, kbir kemm ikun kbir, ma jberrdu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help