ĠOB 29 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 29Ġob jibki l-imgħoddi

1Ġob raġa’ qabad jitkellem u qal:

2“M’hemmx li nerġa’ għaż-żmien ta’ dari,

għall-jiem meta Alla kien iħarisni,

3meta kienet tiddi fuq rasi l-imnara tiegħu,

u fid-dawl tiegħu kont nofroq id-dlam!

4M’hemmx li nerġa’ għall-aħjar ta’ żmieni,

meta Alla l-Għoli waqqaf l-għarix tiegħi,

5u Xaddaj kien għadu jġibni

u madwari kelli ż-żgħażagħ tiegħi!

6Meta kont naħsel saqajja fil-ħalib u l-balzmu,

u nferragħ fuq riġlejja gliegel ta’ żejt!

7Meta kont noħroġ lejn bieb il-belt

biex nieħu posti fil-misraħ

8iż-żgħażagħ kif jarawni kienu jinħbew,

u x-xjuħ iqumu bilwieqfa.

9Il-kapijiet kien jaqtgħu kliemhom,

u jqiegħdu subgħajhom fuq fommhom.

10Leħen il-kbarat kien jieqaf,

u lsienhom jeħel mas-saqaf ta’ ħalqhom.

11Min kien jismagħni kien iberikni,

min kien jarani kien ifaħħarni.

12Għax kont neħles il-fqir li jittallab l-għajnuna,

u l-iltim li ma kellux min jaqbeż għalih.

13Fuqi kienet tinżel il-barka tal-magħkus,

u l-qalb tal-armla kont inferraħ.

14Ilbist il-ġustizzja u hi libbset lili,

bħal mantar u turbant sarli s-sewwa tiegħi.

15Kont għajn għall-agħma,

u riġel għall-magħtub.

16Kont missier għall-foqra,

u l-kawża ta’ wieħed ma nafux kont nistħarreġ.

17Kont inkisser ix-xedaq tal-kiefer,

u nġagħlu jerħi l-priża minn ħalqu.

18Jien għedt: ‘Fil-bejta tiegħi mmut

wara jiem kotrana daqs ir-ramel.

19Għeruqi nfirxu sa ħdejn l-ilma,

u billejl kelli n-nida fuq il-friegħi.

20Sebħi baqa’ jiġġedded miegħi,

dejjem ġdid il-qaws f’idejja.’

21In-nies kienet tismagħni siekta,

tistenna l-parir mingħandi.

22Wara li nitkellem jien ma kinux jerġgħu huma,

kliemi kien jinżel fuqhom qatra fuq qatra.

23Bħax-xita bikrija kienu jistennew kliemi,

u jixorbuh bħax-xita tar-rebbiegħa.

24Jekk kont nitbissmilhom, ma kinux jemmnu lil għajnejhom,

u l-ferħ ta’ wiċċi xejn ma kienu jitilfu minnu.

25Kont nurihom it-triq qisni rajjes,

kont bħal sultan qalb is-suldati,

fejn immexxihom jien kienu jimxu huma.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help