1Ġob wieġeb u qal:
2“Hekk hu, tassew, u hekk inżomm jien:
Kif jista’ l-bniedem jieħu raġun ma’ Alla?
3Jekk jogħġbu jidħol f’qorti miegħu,
lanqas iwieġbu waħda minn elf.
4Hu għaref minn moħħu u ta’ ħila kbira;
min qatt ħarraxha miegħu u ħareġ bis-sliem?
5Hu jheżżeż il-muntanji bla ma jintebħu,
u jaqlibhom ta’ taħt fuq fil-korla tiegħu.
6Hu jċaqlaq l-art mis-sisien tagħha,
u l-kolonni tagħha jitriegħdu.
7Jikkmanda x-xemx u ma titlax,
jaqfel il-kwiekeb u ma jfiġġux.
8Hu waħdu firex is-smewwiet,
u saħaq dahar il-mostru tal-baħar.
9Hu ħalaq l-Orsa u l-Ġgant,
it-Trajja u l-Kmamar ta’ Nofsinhar.
10Hu jagħmel ħwejjeġ kbar ma nifhmuhomx,
għeġubijiet bla għadd.
11Jekk jgħaddi minn ħdejja ma narahx,
iwarrab minni bla nittendi bih.
12Jekk jiġi jaħtaf min se jżommu?
Min se jgħidlu: ‘X’int tagħmel hemm?’
13Alla ma jreġġax lura l-korla tiegħu.
Dawk li għenu lil Raħab għotru taħtu.
14Kif nista’ mela nwieġeb jiena?
Xi kliem nagħżel għal quddiemu?
15Għad li jien ġust ma nistax inwieġeb,
u flok id-dritt ikolli nitlob il-ħniena.
16Jekk inħarrku ma jweġibni xejn,
għad li nemmen li leħni jisimgħu.
17Hu jgħaffiġni mqar għal xagħra,
u jkattarli l-ġrieħi għal xejn b’xejn.
18Lanqas nifs ma jħallini nieħu,
għax sax-xaba’ bl-imrar jimlieni.
19Jekk niġu għall-qawwa, min aqwa minnu?
Jekk niġu għall-ħaqq, min se jħarrku?
20Għalkemm innoċenti fommi, jikkundannani,
għalkemm bla ħtija, Hu joħroġni b’ħati.
21Bla ħtija jien;
ma rridx naf bija nnifsi,
ħajti sirt nistmellha.
22Hu kollu wieħed, għalhekk ngħid,
‘L-innoċenti u l-ħatja Hu jeqred xorta waħda.’
23Jekk jaqa’ għal għarrieda flaġell tal-mewt,
Hu jidħak bit-twegħir tal-innoċenti.
24Jekk taqa’ xi art f’idejn wieħed kiefer,
Hu li jgħammad għajnejn l-imħallfin tagħha.
Jekk mhux Hu, min jista’ jkun?
25Jiemi għaddejja eħfef minn ġerrej,
igerbu malajr bla ma jaraw riżq,
26jiżgiċċaw qishom dgħajjes bil-qasab,
bħal ajkla nieżla b’salt għall-priża.
27Għalkemm ngħid: ‘Irrid ninsa l-għali tiegħi,
ħa nibdel wiċċi u nidher ferrieħi,’
28naqta’ qalbi bit-tbatija kollha tiegħi,
għax naf li int ma żżommnix bla ħtija.
29Ladarba tqisni ħati,
għalfejn noqgħod nitħabat għal xejn?
30Imqar jekk ninħasel bis-soder,
u nnaddaf idejja bil-lissija,
31fil-ħama terġa’ tgħaddasni,
u ħwejġi stess jitqażżuni.
32Alla mhux bniedem bħali biex nisfidah,
jew immorru flimkien għall-qorti.
33M’hawn ħadd li jaqta’ l-ħaqq bejnietna,
u juża s-setgħa fuqna t-tnejn,
34biex ibiegħed minn fuqi l-virga tiegħu,
u ma jwerwirnix id-driegħ tiegħu.
35Kieku żgur nitkellem u ma nibżax minnu;
imma mhux hekk il-każ tiegħi miegħu.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.