L-GĦANJA TAL-GĦANJIET 5 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 5L-għarus

1Jien ġejt fil-ġnien tiegħi,

oħti, għarusa tiegħi,

niġbor il-mirra tiegħu, u l-balzmu wkoll,

niekol ix-xehda tiegħi, u wkoll l-għasel,

nixrob mill-inbid tiegħi, u l-ħalib tiegħi.

Kulu, ħbieb tiegħi,

għeżież, ixorbu u iskru!Ir-raba’ taqsima tal-GħanjaL-għarusa

2Jiena rieqda, iva, iżda qalbi tishar.

Leħen il-maħbub tiegħi! Qed iħabbat:

“Oħti, ħabiba tiegħi, ejja iftaħli,

ħamiema tiegħi, int bla nuqqas!

Rasi mimlija nida,

in-nokkli bin-nida ta’ billejl.”

3Jien ġa neħħejt minn fuqi l-libsa tiegħi,

kif nerġa’ nxiddha?

Jiena ġa ħsilt riġlejja,

u kif nerġa’ nħammiġhom?

4Imbagħad il-maħbub tiegħi daħħal idu

mir-rewwieħa tal-bieb;

ħassejt tregħid ġo fija minħabba fih.

5Qomt jiena stess niftaħ lill-maħbub tiegħi;

u jdejja qattru l-mirra

subgħajja l-mirra safja,

fuq maqbad il-lukkett.

6Lill-maħbub tiegħi jiena stess mort ftaħtlu

iżda l-maħbub kien diġà dar u telaq!

Ħassejtni ruħi ħierġa minħabba fih.

Fittixtu, u ma sibtux,

sejjaħtlu, u ma weġibx!

7Iltaqgħu miegħi mbagħad in-nies tal-għassa,

dawk li mal-belt iduru,

u tawni s-swat, ġerrħuni,

ħaduli sal-mantell

l-għassiesa tas-swar.

8Bniet ta’ Ġerusalemm, nitlobkom b’ħerqa,

jekk intom issibuh il-maħbub tiegħi,

x’sejrin tgħidulu?

Li mradt bl-imħabba.Il-kor

9X’inhu aħjar mill-bqija l-maħbub tiegħek,

l-isbaħ fost in-nisa?

X’inhu aħjar mill-bqija l-maħbub tiegħek,

biex inti qed titlobna hekk bil-ħerqa?

L-għarusa

10Il-maħbub tiegħi abjad u ħamrani,

jagħrfuh fost għaxart elef;

11rasu hi deheb mill-ifjen,

bħall-palm in-nokkli tiegħu,

u suwed daqs iċ-ċawl.

12Għajnejh bħal ħamimiet

maġenb nixxiegħa ilma,

jinħaslu fil-ħalib,

qegħdin ħdejn fawwara.

13Ħaddejh ħmiemel tal-balzmu,

mixtliet ta’ ħxejjex ifuħu ħafna.

Xufftejh qishom ġilji,

iqattru mirra safja.

14Idejh boċċi tad-deheb,

b’ħaġar għani ta’ Tarsis imwaħħal fihom.

U ħdanu biċċa avorju

miksi bis-saffiri.

15Riġlejh bħal żewġ kolonni tar-rħam abjad,

imqiegħda fuq sisien ta’ deheb mill-ifjen.

Is-sura tiegħu bħal tal-Libanu,

maestuża bħaċ-ċedri.

16Kliemu kollu ħlewwa;

u kollox jgħaxxqek fih.

Dan huwa l-maħbub tiegħi, dan ħabibi,

bniet ta’ Ġerusalemm.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help