SALMI 68 - Maltese Bible with DC

Salm 68Il-Mulej jidħol rebbieħ f’Sijon

1Għall-mexxej tal-kor. Salm ta’ David. Għanja.

2Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu;

jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

3Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered,

bħalma jdub ix-xama’ quddiem in-nar,

hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla.

4Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla,

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

5Għannu lil Alla, faħħru ismu,

wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab.

Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu.

6Missier l-iltiema u difensur tar-romol,

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

7Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom;

imma s-suppervi telaqhom jgħammru fid-deżert jikwi.

8O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek,

int u tiela’ mid-deżert,

9triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu

quddiem Alla tas-Sinaj,

quddiem il-Mulej, Alla ta’ Iżrael.

10Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,

fuq l-art, wirt tiegħek,

u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.

11Il-poplu tiegħek għammar fiha,

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.

12Il-Mulej Sidi jagħti ordni,

u ħafna huma n-nisa li jagħtu l-bxara:

13a“Ħarbu, ħarbu s-slaten bl-eżerċti!

14aX’intom titnikkru qalb l-imrieħel?

13bIn-nisa tad-dar qegħdin jaqsmu l-priża,

14bsbieħ bħal ħamiema bi ġwienaħ bħall-fidda,

14cb’rixha mżejjen b’deheb safrani.

15Meta Alla li jista’ kollox ferrex is-slaten,

xita ta’ silġ niżlet fuq Salmon.”

16Għolja ta’ Alla hi l-għolja ta’ Basan,

għolja b’ħafna qċaċet hi l-għolja ta’ Basan.

17Imma għax tħares bl-għira, għolja ta’ ħafna qċaċet,

lejn l-għolja li Alla għażel b’għamartu?

Fiha għoġbu joqgħod il-Mulej għal dejjem.

18L-imriekeb tal-Mulej eluf ta’ eluf;

bihom ġie Sidi mis-Sinaj għas-santwarju.

19Int tlajt fil-għoli, bl-ilsiera warajk,

bnedmin int ħadt b’għotjiet tiegħek,

imqar dawk li ma ridux joqogħdu għalik, Mulej Alla.

20Imbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor!

Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna.

21Alla tagħna hu Alla li jsalvana;

il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

22Alla jfarrak l-għedewwa tiegħu,

ikisser ir-ras ta’ min jimxi bil-ħażen.

23Qal Sidi l-Mulej: “Minn Basan inġibhom,

lura nġibhom minn qiegħ il-baħar,

24biex tgħaddas riġlek f’demmhom,

u l-għedewwa tiegħek jikluhom il-klieb.”

25Tfaċċa d-dħul tiegħek, o Alla, fis-santwarju,

id-dħul ta’ Alla tiegħi, is-sultan tiegħi.

26L-għannejja quddiem, l-istrumenti wara,

f’nofshom it-tfajliet bit-tanburlin:

27“Bierku ’l Alla fil-laqgħat tagħkom;

bierku l-Mulej fil-ġemgħat ta’ Iżrael.”

28Quddiem miexi Benjamin, l-iżgħar fost it-tribù,

il-kapijiet ta’ Ġuda bi ħġarhom,

il-kapijiet ta’ Żebulun, il-kapijiet ta’ Naftali.

29Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek,

wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.

30Lejn it-tempju tiegħek f’Ġerusalemm,

għalik is-slaten iġibu l-għotjiet.

31Ċanfar dik il-bhima fil-qasab tan-Nil,

dawk il-popli, bħal qabda gniedes bl-għoġiela tagħhom,

sa ma jumiljaw ruħhom u jiġuk b’rigali tal-fidda;

ferrex il-popli li jħobbu l-gwerer.

32Ħa jiġu l-kbarat mill-Eġittu;

tiftaħ l-Etjopja idejha lejn Alla.

33Slaten tal-art, għannu lil Alla,

faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:

34lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet,

fuq is-smewwiet ta’ dejjem.

Arawh! Se jsamma’ leħnu, leħen qawwi:

35“Agħrfu l-qawwa ta’ Alla!”

Fuq Iżrael il-kobor tiegħu;

fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.

36Tal-biża’ Alla fis-santwarju tiegħu!

Hu Alla ta’ Iżrael,

li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu.

Imbierek Alla!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help