1Imbagħad qam qisu nar Elija, il-profeta,
u kelmtu kienet taqbad bħal ħuġġieġa.
2Hu ġieb fuqhom il-ġuħ,
u fil-ħeġġa tiegħu ċekkinhom fl-għadd.
3B’kelmet il-Mulej għalaq is-smewwiet,
u tliet darbiet niżżel ukoll in-nar.
4Kemm kont imsebbaħ, Elija, f’għeġubijietek!
U min jista’ jiftaħar daqsek?
5Qajjimt mejjet mill-mewt,
minn Art l-Imwiet b’kelmet l-Għoli.
6Tfajt mal-art slaten sa ntilfu
u nies ta’ ġieħ mis-sodda tagħhom.
7Smajt ċanfira fis-Sinaj,
u f’Ħoreb sentenza ta’ kastig.
8Dlikt slaten biex jitħallsu
u profeti biex jilħqu warajk.
9Kont meħud f’riefnu tan-nar
f’karru bi żwiemel tan-nar.
10Int, li kien miktub għalik, li kellek iċċanfar għal żmien,
biex tberred għadab Alla qabel ma jħeġġeġ,
biex iddawwar qalb il-missier lejn ibnu,
u biex terġa’ tqajjem tribujiet Ġakobb.
11Imberkin dawk li jarawk
u dawk li raqdu fl-imħabba;
għax żgur li aħna wkoll ikollna l-ħajja.
Eliżew12Kien Elija li nħataf minn riefnu
u Eliżew imtela bl-ispirtu tiegħu.
Fi żmienu ma kienx jirtogħod quddiem il-kapijiet,
u ħadd ma ħakem fuqu.
13Xejn ma kien tqil wisq għalih,
sa wara mewtu baqa’ profeta f’qabru.
14F’ħajtu għamel għeġubijiet,
u f’mewtu l-għemejjel tiegħu kienu tal-għaġeb.
Infedeltà u kastig15Madankollu l-poplu ma nidimx,
u ma reġax lura minn dnubietu,
sakemm ma ġiex itturufnat minn artu,
u mxerred mal-art kollha.
16U kien fadal poplu ta’ ftit nies,
imma b’mexxej mid-dar ta’ David.
Uħud minnhom għamlu dak li jogħġob lill-Mulej,
imma oħrajn kattru dnubiethom.
Ħeżekija17Ħeżekija saħħaħ beltu,
u daħħal l-ilma fil-qalba tagħha;
ħaffer bil-ħadid fil-blat,
u bena ġwiebi għall-ilma.
18F’jiemu tala’ Sanħerib,
u bagħat lil Rabsaki,
u rafa’ dejh fuq Sijon,
u fi kburitu qagħad jiftaħar.
19Imbagħad bdew jirtogħdu qlubhom u idejhom,
u qabadhom uġigħ bħal ta’ mara fil-ħlas.
20U sejħu lill-Mulej li hu tal-ħniena,
u meddew idejhom lejh.
U l-Qaddis malajr semagħhom mis-sema,
u fdiehom b’id Isaija.
21Laqat il-kamp tal-Assiri,
u qeridhom l-anġlu tiegħu.Isaija
22Għax Ħeżekija għamel dak li jogħġob lill-Mulej,
u żamm sħiħ fi triq David missieru,
kif ordnalu Isaija l-profeta,
li kien kbir u ta’ min jorbot fuqu għad-dehriet li kellu.
23F’jiemu mxiet lura x-xemx,
u tawwal ħajjet is-sultan.
24Bis-saħħa tal-ispirtu ra l-ħwejjeġ tal-aħħar,
u sabbar lill-imnikktin ta’ Sijon.
25Wera x’għandu jiġri sa tmiem iż-żmien,
u ħwejjeġ moħbija qabel ma ġraw.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.