1U Tobit qal:
2“Imbierek Alla, li jgħix għal dejjem,
u s-saltna tiegħu!
Jikkastiga u jħenn;
iwasslek sal-qabar f’qiegħ l-art,
u mbagħad jerfgħek mill-akbar qerda.
M’hemm ħadd li jeħles minn idejh.
3Faħħruh, ulied Iżrael, quddiem il-ġnus!
Hu xerridkom f’nofshom.
4U hemm uriekom il-kobor tiegħu.
Għolluh quddiem il-ħajjin kollha.
Hu Sidna, u Alla tagħna!
Hu Missierna, u Alla tagħna,
għal dejjem ta’ dejjem.
5Minħabba dnubietkom jikkastigakom,
imma jħenn għalikom ilkoll;
u għad jiġborkom minn fost il-ġnus kollha,
li f’nofshom tinsabu mxerrda.
6Meta b’qalbkom sħiħa u ruħkom kollha,
terġgħu lura għal għandu,
imbagħad hu jdur lejkom,
u ma jaħbix iżjed wiċċu minnkom.
7Ara x’għamel magħkom!
Faħħruh b’kemm għandkom ħila,
u bierku l-Mulej il-ġust,
u faħħru s-sultan ta’ dejjem.
8Infaħħru jien f’art l-eżilju tiegħi,
u nuri l-qawwa u l-kobor tiegħu lill-ġens midneb.
Erġgħu lura għal għandu, midinbin,
u għamlu l-ġustizzja quddiemu.
Min jaf jilqagħkomx u jħennx għalikom?
9Jiena nkabbar lil Alla tiegħi
u ruħi tfaħħar lis-sultan tas-sema,
u tifraħ bil-kobor tiegħu.
10Ħa jxandru lkoll il-maestà tiegħu,
u jfaħħruh f’Ġerusalemm.
“Ġerusalemm, il-belt qaddisa,
għad jikkastigak minħabba għemil uliedek;
u mbagħad jerġa’ jħenn għal ulied il-ġusti.
11Faħħar kif jixraq lill-Mulej,
u bierek is-sultan ta’ dejjem;
u hekk terġa’ tinbnielek daru bil-ferħ,
12biex jifirħu fik l-itturufnati,
u juri fik imħabbtu għall-imsejknin,
għal dejjem ta’ dejjem.
13“Dawl kbir għad jiddi,
u joħroġ minnek sa truf l-art,
kotra ta’ ġnus għad jiġuk mill-bogħod,
u nies minn kull rokna tad-dinja,
minħabba l-isem qaddis tiegħek,
iġibu r-rigali f’idejhom għas-sultan tas-sema.
Nisel wara nisel jaqbżu bil-ferħ fik,
u isem il-belt magħżula jibqa’ għal dejjem.
14“Misħutin dawk kollha li jitkellmu iebes kontrik;
dawk kollha li jaħbtu għalik;
dawk kollha li jħottu lil ħitanek;
li jġarrfu t-torrijiet tiegħek,
u jagħtu n-nar lil djarek.
U mbierka għal dejjem dawk li jirrispettawk!
15“Ejja, ifraħ b’ulied il-ġusti,
għax ilkoll għad jinġabru,
u jbierku s-Sid ta’ dejjem.
Hienja dawk li jħobbuk,
u hienja dawk li jifirħu bis-sliem tiegħek.
16Hienja n-nies kollha,
li sewdu qalbhom għas-swat li qlajt,
fik għad jifirħu u jaraw il-ferħ tiegħek għal dejjem.
Bierek, ruħi, lill-Mulej, is-Sultan il-Kbir.
17“Ġerusalemm għad jibnuha mill-ġdid, belt fejn jgħammar Alla għal dejjem ta’ dejjem.
Kemm għad nifraħ meta l-fdal ta’ nisli,
jaraw is-sebħ tiegħek,
u jfaħħru s-Sultan tas-sema!
Il-bibien ta’ Ġerusalemm għad jinbnew
biż-żaffir u l-iżmerald;
tal-ħaġar prezzjuż ikunu ħitanek.
Tad-deheb jinbnew it-torrijiet tiegħek;
u l-fortizzi tad-deheb safi.
Il-pjazez ta’ Ġerusalemm
jiċċangawhom b’ħaġar prezzjuż u
ġawhar ta’ Ofir.
18Il-bwieb ta’ Ġerusalemm għad ikantaw innijiet ta’ ferħ;
u djarha lkoll jgħajtu;
‘Ħallelujah! Imbierek Alla ta’ Iżrael!’
Hu jberikhom, u huma jbierku ismu,
qaddis għal dejjem ta’ dejjem.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.