BIN SIRAK 26 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 26

1Hieni r-raġel ta’ mara tajba,

l-għadd ta’ jiemu jkun għal darb’oħra aktar.

2Mara qalbiena tferraħ lil żewġha,

u hu jtemm żmienu fis-sliem.

3Mara tajba hi xorti tajba,

tingħata b’sehem lil min jibża’ mill-Mulej.

4Għani jew fqir, għandu hena f’qalbu,

u dejjem wiċċu mbissem.

5Tlieta huma l-ħwejjeġ li qalbi tibża’ minnhom,

u r-raba’ tkexkixni:

qlajja’ f’belt, ġemgħa ta’ kotra nies,

u xili qarrieq - dawn kollha agħar mill-mewt.

6Niket u għali mara għajjura għal oħra,

u swat bl-ilsien daqs dawn kollha.

7Mara ħażina bħal madmad jiċċaqlaq fuq għonq gendus,

min ifittex li jaħkimha

qisu bħal wieħed qabad b’idejh skorpjun.

8Għadab kbir mara fis-sakra,

u l-għajb tagħha lanqas biss tgħattih.

9Iż-żina ta’ mara jidher f’ħarsitha xewqana,

u tingħaraf minn għajnejha.

10Għasses tajjeb fuq bint rasha iebsa,

li ma tmurx issib il-ħelsien u tinqeda bih.

11Għasses għal għajnejha bla mistħija,

u tistagħġibx jekk tonqsok.

12Bħalma wieħed bil-għatx fi triqtu jiftaħ ħalqu

u jixrob minn kull ilma qrib tiegħu,

hekk hi toqgħod bilqiegħda quddiem kull

arblu, u l-barżakka tagħha tiftaħ għal kull vleġġa.

13Mara ta’ ħlewwa tferraħ lil żewġha,

u s-sengħa tagħha ssaħħaħlu għadmu.

14Għotja tal-Mulej mara siekta,

u ruħ imrobbija tajjeb m’hawnx bħalha.

15Mara mistħija ġġib barka fuq oħra,

u m’hawnx prezzha ruħ irżina.

16Bħal xemx tielgħa fl-għoli tas-smewwiet,

hekk hu l-ġmiel ta’ mara sewwa,

f’darha miżmuma bl-ordni.

17Bħal musbieħ jiddi fuq il-kandelabru sagru,

hekk hu wiċċ sabiħ fuq figura nobbli.

18Bħal pilastri mdiehba fuq bażi tal-fidda,

hekk huma riġlejn sbieħ fuq għerieqeb sodi.

19Ibni, żomm b’saħħtu fjur żgħożitek,

u tagħtix lill-barranin saħħtek.

20Fittex art għammiela fil-wita kollha,

u iżra’ ż-żerriegħa tiegħek bil-fiduċja fi tnissilek nobbli.

21U hekk in-nisel tiegħek jibqa’,

u jkun kbir minħabba l-fiduċja li jkollu f’nobbiltu.

22Mara tinkera jistmawha daqs beżqa,

imma mara miżżewġa torri għall-mewt għal dawk li jfittxuha.

23Mara ħażina tingħata b’sehem lill-midneb,

imma waħda twajba tingħata lil min jibża’ mill-Mulej.

24Mara bla mistħija tkasbar ġieħha l-ħin kollu,

imma bint miġbura tistħi saħansitra minn żewġha.

25Mara sfaċċata sa titqies daqs kelb,

imma mara mistħija tibża’ mill-Mulej.

26Mara li tweġġaħ lil żewġha,

kulħadd iqisha mara ta’ għerf,

imma waħda li ma tagħtihx ġieħ,

fi kburitha jqisuha b’mara ħażina.

Hieni r-raġel ta’ mara sewwa,

għax l-għadd ta’ sninu joktru għal darb’oħra aktar.

27Mara tgħajjat u ttaqtaq ħafna

bħal trumbetta tal-gwerra li tfakkar il-ħarba;

u kull raġel f’qagħdiet bħal dawn

jgħaddi ħajtu f’taqlib ta’ gwerra.

Ħwejjeġ li jnikktu

28Minħabba tnejn titnikket qalbi,

u minħabba t-tielet nimtela bl-għadab:

li raġel qalbieni jinfena mill-għaks;

li rġiel għaqlin jitwarrbu b’diżunur;

li bniedem iħalli s-sewwa għad-dnub;

jalla bniedem bħal dan jitilqu għax-xabla l-Mulej!

In-negozju

29Iebsa għan-neguzjant li jaħrab il-ħażen,

u għall-bejjiegħ li ma jaqax fid-dnub.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help