PROVERBJI 28 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 28

1Il-ħażin jaħrab għalkemm ħadd ma jiġri warajh;

imma l-ġust qalbieni bħal iljun.

2Minħabba l-ħtija ta’ pajjiż

ħafna huma l-ħakkiema;

imma b’raġel dehni u għaref,

il-pajjiż iżomm sħiħ fit-tul.

3Bniedem setgħan li jgħakkes il-fqar,

bħax-xita bil-qliel li ma tagħtix ħobż.

4Dawk li jwarrbu l-Liġi jfaħħru l-ħażin,

imma dawk li jħarsuha jeħduha kontrih.

5In-nies ħżiena ma jifhmux fil-ħaqq,

imma dawk li jfittxu l-Mulej kollox jifhmu.

6Aħjar il-fqir li jgħix bla ħtija,

mill-għani li jimxi bit-tagħwiġ.

7Min iħares il-Liġi hu tifel bil-għaqal,

iżda min jagħmilha mal-wikkiela hu l-għajb ta’ missieru.

8Min ikattar ġidu bl-imgħax u l-qligħ żejjed,

ikun ifaddal għal dak li jħenn għall-foqra.

9Min isodd widnejh biex ma jismax il-Liġi,

Alla wkoll jistmell it-talb tiegħu.

10Min idaħħal it-tajbin fi triq ħażina,

jaqa’ fil-ħofra li jkun ħaffer.

Imma min hu bla ħtija jkollu wirt tajjeb.

11L-għani jaħseb li hu għaref,

imma l-fqir bil-għaqal jagħrfu sewwa.

12Meta jirbħu l-ġusti, ikun hemm ferħ kbir;

imma meta jitilgħu l-ħżiena, in-nies tinħeba.

13Min jaħbi ħtijietu ma jiksibx ġid,

imma min jistqarrhom u jaqtagħhom jaqla’ l-ħniena.

14Hieni l-bniedem li dejjem jibża’ minn Alla!

Imma min iwebbes qalbu jiġi fl-għali.

15Bħal iljun jgħajjat u ors bil-għatx,

hu mexxej ħażin ta’ poplu msejken.

16Mexxej nieqes minn moħħu jgħakkes dejjem aktar;

imma min jobgħod il-qligħ ħażin jgħix għomor twil.

17Min xerred demm ħaddieħor,

jiġri lejn il-qabar u ħadd ma jeħilsu.

18Min jimxi bis-sewwa jsalva,

imma min jimxi bl-imgħawweġ jaqa’ fil-ħofra.

19Min jaħdem ir-raba’ tiegħu jiekol bix-xaba’,

imma min jingħata għall-frugħat jirkbu l-għaks.

20Bniedem onest ikollu barka bil-kotra,

imma kastig ikollu min irid jistagħna malajr.

21Mhux sewwa tħares lejn l-uċuħ;

għal loqma ħobż tagħmel il-ħażin.

22Min hu rgħib irid jistagħna f’qasir żmien,

bla ma jaħseb li għad jilħqu l-għaks.

23Jekk twissi lil xi ħadd, fl-aħħar tirbaħ imħabbtu,

aktar minn dak li jżiegħel bih bi kliemu.

24Min lil missieru u ’l ommu jisraq u jgħid mhux dnub,

ikun qed jissieħeb mal-ħalliel.

25Min hu rgħib iġib il-ġlied,

imma min jittama fil-Mulej jistagħna.

26Min jafda fih innifsu hu iblah,

imma min jimxi fit-triq tal-għerf jimxi fis-sod.

27Min jagħti lill-fqir ma jkun jonqsu xejn,

imma min jagħlaq għajnejh saħtiet ikollu.

28Meta jitilgħu l-ħżiena, in-nies tinħeba,

imma meta jaqgħu, joktru t-tajbin.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help